Id-derby ta’ Londra bejn ir-rivali eterni, Arsenal u Tottenham, intemm fi draw ta’ 2-2 liema riżultat ma kkuntentat li ħadd hekk kif tilfu żewġ punti fil-konfront tal-leaders, Manchester City, biex jinsabu distakkati b’erba’ punti.
Arsenal v Tottenham – Fl-aqwa partita ta’ tmiem il-ġimgħa tal-Premier League Ingliż, Arsenal u Tottenham ħadu punt kull wieħed meta spiċċaw fi draw ta’ 2-2.
Il-goals tal-Gunners waslu minn auto-goal ta’ Cristian Romero (26) u penalty ta’ Bukayo Saka (54) filwaqt li għal Spurs wieġeb Son Heung-Min (42, 55).
Brighton v Bournemouth– Brighton dawru telfa f’rebħa meta f’darhom għelbu lil Bournemouth bl-iskor ta’ 3-1, bil-goals jiġu skorjati minn auto-goal ta’ Milos Kerkez (55) u Kaoru Mitoma (46, 77) wara li Dominic Solanke (25) fetaħ l-iskor għaċ-Cherries.
Chelsea v Aston Villa – Chelsea komplew jiddiżappuntaw meta f’darhom tilfu bl-iskor ta’ 1-0 kontra Aston Villa, bl-uniku goal jasal minn Ollie Watkins (73) wara li Malo Gusto (58) tkeċċa għall-Pensioners.
B’din it-telfa tkompli tikber il-pressjoni fuq il-coach, Maurico Pochettino, hekk it-team tiegħu huwa barra mill-isfida għar-rebħ tat-titlu meta wara biss sitt partiti, Chelsea jinsabu 13-il punt taħt Manchester City … minkejja li fis-suq tat-trasferimenti kienu l-aktar attivi meta nefqu aktar minn £450 miljun fi players ġodda.
Liverpool v West Ham– Liverpool telgħu waħedhom fit-tieni post tal-klassifika, b’rebħa ta’ 3-1 fuq West Ham.
Il-protagonisti kienu Mohamed Salah (16 pen), Darwin Nunez (60) u Diogo Jota (85) filwaqt li Jarrod Bowen (42) kiseb id-draw momentarju għall-Hammers.