Wednesday, July 24, 2024

Premier Ingliż: Id-dritta finali bejn Arsenal u Manchester City

Aqra wkoll

Wasalna fl-aħħar battuti ta’ staġun ieħor tal-Premier League Ingliż meta issa nistgħu ngħidu li t-taqtiegħa għar-rebħ tat-titlu għall-is­taġun 2023-24 hija bejn il-leaders Arsenal u ċ-champions renjanti, Manchester City, meta tal-ewwel qed igaw­du l-quċċata b’distakk ta’ punt iżda lagħbu logħba iktar minnhom.

Is-City se jkunu nvoluti fl-ewwel logħba tal-ġurnata meta jmorru fi Craven Cottage biex jiltaqgħu kontra Fulham li m’għandhom xejn għalxiex jilagħbu għalkemm jkunu jridu jispiċċaw f’post għoli kemm jistgħu biex jieħdu premju finanzjarju taj­jeb skond il-pożizzjoni li jispiċċaw fiha.

It-team ta’ Pep Guardiola ġej mir-rebħa kbira li fiha umiljaw lil Wolves 5-1 fl-Etihad Stadium bl-attakkant straordinarju Norveġiż, Erling Haaland, jiskorja xejn inqas minn erba’ goals li   tnejn minnhom waslu minn penalties bl-ewwel wieħed ikun kontroversjali.

Iżda m’hemmx dubju li minbarra li s-City għandhom l-aqwa skwadra, bħalissa għaddejjin  minn forma mill- aqwa tant li rebħu l-aħħar sitt logħbiet tal-kampjonat waqt li Fulham, li jinsabu trankwilli fil-11-il post, ħadu ħames punti biss mill-aħħar 18.

Min-naħa tal-Gunners huma se jkunu fl-azzjoni għada, f’dik li hija l-unika logħba tal-ġurnata, meta jiltaqgħu kontra Manchester United f’Old Trafford b’dawn xejn ma kellhom staġun feliċi tant li jinsabu fit-tmien post fil-klassifika.

It-team ta’ Erik ten Hag ġej minn rebħa, tliet draws u żewġ telfiet, li ċertament m’hijiex forma li tarahom ji­tilgħu aktar ‘il fuq fil-klassifika. S’issa huma sofrew 13-il telfa li fl-istorja tagħhom dan il-fatt qatt ma seħħ qabel.

Fosthom hemm dik tat- Tnejn li għadda li fiha Cry­stal Palace umiljaw lill-Uni­ted bl-iskor kbir ta’ 4-0 li biha l-Eagles għamlu d-double fuqhom.

Arsenal, min-naħa l-oħra, qed jilagħbu football aggressiv u offensiv tant li bid-differenza tal-goals li għandhom dan jitqies bħala punt miżjud għax jekk itemmu ndaqs mas-City ikunu huma li jiġu dikjarati champions.

It-team fit-tielet post, Li­verpool, jinsabu barra mit-taqtiegħa għar-rebħ tat-titlu meta mill-aħħar sitt ħarġiet ħadu tmien punti biss u l-logħba li jmisshom hija dik ta’ nhar it-Tnejn kontra Aston Villa f’Villa Park li ġejjin mill-eliminazzjoni fis-semi- finali tal-Conference League li fiha l-Griegi, Olympiakos, għelbuhom darbtejn għal aggregate ta’ 6-2.

Intant it-team ta’ Unai  Emery ma jidhirx li għandu jitlef ir-raba’ post u parteċipazzjoni fiċ-Champions Lea­gue fl-istaġun li ġej.

Tottenham iridu rebħa fuq Burnley biex virtwalment jissiġillaw post fl-Europa Lea­gue, iżda bil-forma li għaddejjin minnha bħalissa jist­għu jfallu xi punti kontra l-Clarets li posthom mal-kbar għadu mhux mitluf.

Huma qed igawdu erba’ punti vantaġġ fuq Newcastle United li bħalhom fadlilhom tliet logħbiet għat-tmiem.

Jekk Burnley jilħqu lil Nottingham Forest huma jiġu relegati xorta minħabba d-differenza inferjuri tal-goals meta tagħhom huwa -35 u tal-Forest -18.

Jekk Burnley għad għandhom ċans remot li jsalvaw mir-relegazzjoni, Luton Town għandhom ċans aħjar minnhom li jagħmlu dan għalkemm rebħa fil-London Stadium kontra West Ham hija xi ftit ambizzjuża.

Il-Hammers huma kważi maqtugħin miċ-ċans li jerġ­għu jilagħbu fl-Ewropa Lea­gue għalkemm kollox jista’ jiġri sa tmiem l-istaġun.

Bournemouth se jkunu fil-Vitality Stadium biex jilqgħu lil Brentford meta jinsabu 11-il punt fuqhom. Iżda l-għan tal-Bees ġie milħuq meta salvaw it-tielet staġun fil-Premier League.

Din il-logħba tista’ tara l-addio tal-attakkanti Dominic Solanke taċ-Cherries u ta’ Ivan Toney ta’ Brentford li t-tnejn ġibdu l-għajn dan l-istaġun għalkemm l-inte­ress f’To­ney beda f’Jannar minħabba li kien qed jiskonta sospensjoni ta’ tmien xhur minħabba li kiser ir-regoli tal-imħatri. 

Everton se jilqgħu lill-ewwel team li ġie relegat, dak ta’ Sheffield United, li meta fa­dal żewġ logħbiet għat-    tmiem saru t-tieni team fil- Premier League li sofrew 100 goal.

It-Toffeemen se jmorru għar-rebħa ħalli f’każ li jerġgħu jiġi kastigati xi punti mnaqqsa jkollhom biżżejjed biex jevitaw li jiġu relegati.

Wara sensiela negattiva Newcastle reġgħu qabdu t- triq tar-rebħa meta mill-aħħar sitt logħbiet ħadu erba’ rebħiet u draw tant li qed jissieltu ma’ Tottenham biex jispiċċaw fil-ħames post.

Huma se jiltaqgħu kontra Brighton f’St James Park li minkejja li kisbu 47 punt xejn ma kellhom staġun feliċi. Anzi wieħed jista’ jgħid li kien l-agħar wieħed tagħ-hom f’dawn l-aħħar ħames snin.

Bħal Newcastle, Chelsea qamu fuq tagħhom ukoll tant li waqqfu x-xnigħat li l-manager Mauricio Pochettino għandu jitkeċċa mill-kariga b’mod imminenti. Huma se jmorru għand Nottingham Forest li għadhom mhumiex salvi għal kollox mill-in­kwiet tar-relegazzjoni għal­kemm jekk Luton jitilfu u Burnley jiġu draw posthom għal staġun ieħor ikun garantit.

Crystal Palace se jmorru f’Molineux biex jiltaqgħu ma’ Wolves li kisbu rebħa u draw mill-aħħar 18-il punt, kuntrarju għall-Palace li minn daqstant partiti rebħu 13-il punt. Ċertament li l-forma taż-żewġ timijiet hija waħda kuntrastuża.

Il-Palace rebħu l-logħba tal-ewwel round 3-2 u issa se jippruvaw għal double għalkemm min-naħa l-oħra Wolves jagħmlu ħilithom biex jagħlqu l-istaġun f’darhom fuq nota pożittiva.

Ekonomija

Sport