Saturday, October 4, 2025

Premier Ingliż: Liverpool fi prova oħra diffiċli fi Stamford Bridge

Aqra wkoll

Wara li bħal-lum tmint ijiem iċ-champions tal-Premier League Ingliż, Liverpool, kienu barra minn darhom kontra Crystal Pa­lace, illum huma se jerġgħu jkunu f’Londra meta jiltaqgħu kontra Chelsea fi Stamford Bridge f’dik li tidher l-aqwa logħba tas-seba’ programm tal-istaġun.

Il-Palace kienu għelbu lir-Reds 2-1 f’Selhurst Park u għalhekk illum dawn iridu joqogħdu attenti meta Arsenal se jkunu f’darhom kontra West Ham u jekk ifallu xi punti jistgħu jiġu milħuqa u anke maqbuża mill-Gunners.

Liverpool se jkunu mingħajr Hugo Ekitike u l-goalkeeper Allison Becker li weġġgħu fit-telfa 1-0 fiċ- Champions League nhar it- Tlieta biex minflok Alisson ikompli dak minn Georgia, Giorgi Mamardashvili.

Li għandhom kontrihom Liverpool huwa li d-difiża tidher vulnerabbli bl-iżbalji li jsiru jissarrfu f’goals għalkemm wieħed irid jgħid li ż-żewġ difensuri laterali, l-Olandiż Jeremie Frimpong, u l-Ungeriż, Milos Kerkez, għadhom ma ngranawx għal kollox bħal m’huwa l-każ tal-attakkant Eġizzjan, Mohamed Salah, meta s’issa kien id-dell  ta’ dak li huwa kapaċi jagħmel.

Arsenal se jkunu nvoluti f’derby ta’ Londra meta jilqgħu lil West Ham fl-Emi­rates Stadium wara li fost il-ġimgħa kisbu t-tieni rebħa fiċ-Champions League kontra Olympiakos tal-Greċja.

It-team ta’ Mikel Arteta jidher li jrid ipatti għat-tliet snin li huwa temm il-kampjonat fit-tieni post fejn għalihom l-attakkant Svediż, Viktor Gyokeres, għadu qed jadatta ruħu mal-pass tal- Premier League.

Il-logħba ta’ kmieni wara nofs in-nhar tara lil Tottenham Hotspur imorru f’Elland Road biex jiltaqgħu kontra Leeds United li jinsabu fit-12-il post tliet punti wara Spurs li qed jokkupaw ir-raba’ post.

It-team ta’ Thomas Frank ġej minn draw ta’ 2-2 kontra Bodo-Glimt tan-Norveġja fiċ-Champions League.

Manchester United se jkunu f’Old Trafford biex jilqgħu lit-team promoss ta’ Sunderland li s’issa kellhom bidu inkoraġġanti ħafna meta kisbu tliet rebħiet u żewġ draws waqt li sofrew telfa waħda minn sitt ħar­ġiet.

Min-naħa tal-United l-affarijiet għadhom ‘il bogħod biex jirranġaw ruħhom tant li l-manager Bruno Amorin ilu jissemma’ li jista’ jiġi mkeċċi jew li jitlaq mill-kariga huwa stess.

Dan minkejja li fis-sajf kisbu lill-attakkanti Bryan Mbuemo, Matheus Cunha u Benjamin Sesko. Iżda kemm dawn kif ukoll id-difiża għad fadlilhom biex iroddu l-fiduċja li ntweriet fihom.

Għada se jintlagħbu erba’ logħbiet fejn Aston Villa se jilqgħu lil Burnley li huma tnejn minn tliet timijiet fil- Premier League li jilbsu l-istess kulur.

Il-Clarets ġejjin minn telfa kbira ta’ 5-1 kontra Manchester City minkejja li sal-mistrieħ l-iskor kien 1-1 biex b’hekk dawn urew id-difetti li għandu fid-difiża l-manager Scott Parker.

S’issa huma sofrew 13-il goal li ssarfu f’erba’ telfiet u draw u għalhekk iridu joqogħdu attenti biex ma jinqabdux fiż-żona l-ħamra daqstant kmieni fl-istaġun.

Everton se jerġgħu jkunu fil-Hill Dickinson Stadium il-ġdid tagħhom meta l-avversarji se jkunu Crystal Pa­lace li qed jokkupaw it-tielet post tliet punti biss wara l-leaders li huma għelbu l-ġimgħa l-oħra.

Min-naħa tagħhom it-Toffeemen ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra West Ham fejn wara li fetħu l-iskor fl-ew­wel taqsima kienu l-Hammers li kisbu punt prezzjuż fid-debutt tal-manager Portugiż, Nuno Espirito Santo, li ħa post Graham Potter.

Newcastle, friski mir-reb­ħa 4-0 barra minn darhom kontra Union St-Gilloise tal-Belġju, se jkunu f’St James Park meta se jiffaċċjaw lil Nottingham Forest meta t-tnejn jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika mifrudin b’punt biss favur il-Magpies.

Iż-żewġ timijiet kisbu reb­ħa waħda meta jinsabu fil-15 u fis-17-il postijiet u reb­ħa tiswa mitqlu deheb minkejja li għadu kmieni fl-istaġun.

Il-manager tal-Forest, An­ge Postecoglu, qed isibha diffiċli tant li nhar il-Ħamis it-team ġie megħlub 3-2 fis-City Ground minn Midtjylland tad-Danimarka fl-Europa League.

Wolves u Brighton se jiltaqgħu f’Molineux f’logħba li bosta drabi xaqilbet lejn is-Seasiders li bla dubju huma l-bogey team ta’ Wolves tant li fl-istorja bejniethom Brighton rebħu 21 logħba, Wolves 9 u 16 spiċċaw fi draws.

Wolves, li għadhom ma kisbux rebħa minn sitt logħbiet dan l-istaġun ġejjin minn draw ta’ 1-1 għand Tottenham fejn anke setgħu spiċċaw rebbieħa meta l-goal tad-draw ta’ Spurs wasal fl-94 minuta, minuta biss qabel it-tisfira finali.

Min-naħa ta’ Brighton huma ġejjin minn rebħa 3-1 kontra Chelsea fi Stamford Bridge wara li kienu l-Blues li marru fil-vantaġġ.

Fialment il-logħba li tagħlaq il-programm waqt il-ħin tat-té hija dik bejn Brentford u Manchester City fejn il-Bees se jippruvaw jagħ­mlu double fuq it-timijiet ta’ Manchester fi spazju ta’ tmint ijiem f’darhom wara li l-ġimgħa l-oħra għelbu lill- United 3-1.

Is-City ġejjin minn riżultat li żgur ma stennewx meta spiċċaw fi draw ta’ 2-2 kontra Monaco fiċ-Champions Lea­gue fil-Prinċipilitá.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport