Saturday, December 21, 2024

Premier Ingliż: Liverpool f’logħba diffiċli għand Arsenal

Aqra wkoll

Meta mill-bieraħ sa għada jintlagħab id- disa’ programm tal-Premier League Ingliż, il-leaders Liverpool se jerġgħu jkunu nvoluti fil-logħba l-kbira tal-ġimgħa kontra team ieħor ta’ Londra, Arsenal minflok Chelsea, u din id-darba barra minn darhom, fl-Emirates Stadium.

Dan wara li s-Sibt li għadda l-Gunners sofrew l-ewwel telfa tal-istaġun meta Bournemouth għelbuhom 2-0 fil-Vitality Stadium u ħallew lil Manchester City bħala l-uniku team mingħajr telfa.

Liverpool qed ikollhom staġun mill-aqwa meta s’issa tilfu logħba biss fil-kompetizzjonijiet kollha li waslet fil-kampjonat kontra Nottm Forest li għelbuhom 1-0 b’goal ta’ Callum Hudson-Odoi fit-72 minuta. 

Ir-Reds lagħbu 12-il logħba u meta titlef waħda biss minnhom sinjal li għaddejjin minn żmien pożittiv. Huma għandhom lill-goalkeeper Alisson Becker għadu mweġġa’ waqt li l-attakkant Diogo Jota huwa se jibqa’ barra wkoll wara li weġġa’ kontra Chelsea.

Illum m’hemmx logħba kmieni tant li fl-4.00 pm se jkun hemm erbgħa bi tlieta minnhom jinvolvu timijiet li jinsabu fl-ewwel ħames postijiet.

Iċ-champions Manchester City se jkunu fl-Etihad Stadium kontra Southampton fejn ma jidhirx li għandhom ifallu t-tliet punti wara li l-Ħadd li għadda kisbu rebħa kontroversjali kontra Wolves f’Molineux li huma rebħu 2-1 bil-goal tar-rebħa jasal fl-94 minuta minn azzjoni ta’ corner.

Is-City ġejjin minn reb­ħa kbira 5-0 fiċ-Champions League kontra Sparta Praga li fiha hemm inkluż hat-trick ta’ Erling Haaland, goal minnhom b’rovexxjata spettakolari. Barra minn hekk huma jinsabu punt biss wara l-leaders.

Is-Saints jinsabu jaqsmu l-aħħar post ma’ Wolves, bil-manager, Russell Martin, jinsab f’diffikultá  iżommx postu jew le meta qed jissemmew oħrajn biex jeħdulu postu.

It-team fil-ħames post, Brighton, se jkunu f’darhom meta jiltaqgħu kontra Wolves hekk kif dawn hu­ma l-bogey team tagħhom. 

Is-Seagulls, illum taħt il-manager Ġermaniż, Fa­bian Hurzeler, reġgħu lura fost it-timijiet ta’ fuq wara li fl-istaġun l-ieħor taħt it-Taljan Roberto Zerbi ma żammewx il-momentum ta’ meta kienu taħt Graham Potter.

Min-naħa ta’ Wolves huma għadhom kisbu punt biss minn tmien logħbiet u issa li għaddiet il-burraxka ta’ logħbiet diffiċli jridu jikkonċentraw fuq ir-rebħ tal-punti.

Brentford se jiffaċċjaw lil Ipswich f’darhom meta t-tnejn ġejjin minn telfa, il-Bees kontra Manchester United u t-Tractor Boys kontra Everton.

Rebħa għal Brentford tarahom jitilgħu fl-ewwel nofs tal-klassifika, iżda jekk jirbħu Ipswich huma jieħdu ftit tar-ruħ mhux ħażin biex jinqalgħu mill-aħħar postijiet.

Il-logħba tal-lejla tlaqqa’ lil Everton kontra Fulham f’Goodison Park b’tal-aħ­ħar bħalissa qed igawdu tliet punti vantaġġ fuq it- Toffeemen. 

Dan l-aħħar Everton għamlu kambjament meta mill-aħħar erba’ ħarġiet ħadu żewġ rebħiet u żewġ draws li jfisser li l-punti li rebħu waslu kollha fl-aħħar erba’ logħbiet.

Il-Cottagers sofrew żewġ telfiet fl-aħħar żewġ ħarġiet iżda kienu diġá akkumulaw il-11-il punt li għandhom illum.

Qabel il-logħba Arsenal kontra Liverpool ikun hemm tlieta li jaqtgħulek nifsek. Chelsea, li qed ikollhom staġun tajjeb, jilqgħu lil Newcastle, Cry­stal Palace lil Tottenham u West Ham lil Manchester United.

Fi Stamford Bridge, il-Blues, friski mir-rebħa 4-1 għand  Panathinaikos, ġej­jin mit-telfa kontra Liverpool iżda huma xorta qed jokkupaw is-sitt post seba’ punti wara l-leaders.

Meta Nicholas Jackson ma kienx fit-team huma kellhom lil Joao Felix u Mikhail Mudryk ipattu għalih tant li bejniethom sabu x-xibka tliet darbiet fil-Greċja.

Il-Palace se jkunu f’Selhurst Park kontra Spurs li huma wkoll qed ikollhom staġun tajjeb meta ġejjin mir-rebħa ristretta ta’ 1-0 kontra AZ Alkmaar li l- Ħamis għelbuhom b’penalty ta’ Richarlison.

Finalment f’Londra wkoll ikun hemm West Ham jilqgħu lil Manchester United li fost il-ġimgħa kienu l-uniku team Ingliż li ma rebaħx mis-seba’ li jinsabu fl-Ewropa.

Huma ġew draw 1-1 kontra Fenerbahce tal-eks Jose Mourinho, riżultat li ma tantx jagħmel ġid lill-manager tar-Red Devils, Erik ten Hag li issa qed tkompli tikber il-pressjoni li jista’ jit­keċċa mill-kariga tiegħu.

Il-United jinsabu f’nofs il-klassifika tliet punti fuq il-Hammers li fl-aħħar logħba ngħataw taqtipa minn Tottenham li għelbuhom 4-1 fit-Tottenham Sta­dium.

Ekonomija

Sport