Monday, September 23, 2024

Premier Ingliż: Man City jilqgħu lil Arsenal fl-aqwa partita

Aqra wkoll

L-istaġun tal-Premier League Ingliż 2024-25 beda b’sekwenza nkredibbli. Dan meta wara l-ewwel ġurnata kien hemm tmien timijiet li bdew b’rebħa, fit-tieni dawn naqsu għal erbgħa u meta kull team lagħab it-tielet logħba kienu Manchester City u Liverpool li baqgħu bla megħluba.

Fir-raba’ ġurnata dawn iż-żewġ timijiet niżlu għal wieħed meta kienu Liverpool li sfaw megħluba b’goal uniku f’darhom minn Nottingham Forest.

Iżda s-City se jkunu mpenjati f’logħba kbira kontra Arsenal minkejja li se jkunu qed jilagħbu f’darhom meta bħalissa jinsabu mifrudin b’żewġ punti bit-team ta’ Pep Guardiola qed igawdi l-quċċata b’rekord ta’ 100%.

Fost il-ġimgħa ż-żewġ timijiet kienu nvoluti fiċ- Champions League fejn ġew miżmuma fi draw identiku ta’ mingħajr goals … inċidentalment kontra żewġ timijiet Taljani. 

Is-City kontra ċ-cham­pions Inter, fl-Etihad Sta­dium waqt li Arsenal lagħ­bu kontra Atalanta fil-Gewiss Stadium, li huma r-rebbieħa tal-UEFA Europa League. 

Il-programm jibda bil- logħba ta’ kmieni wara nofs in-nhar li hija d-Derby ta’ Londra bejn West Ham u Chelsea fejn il-Blues qed igawdu tliet punti vantaġġ fuq l-avversarji tagħhom wara li bdew l-istaġun b’telfa.

Illum fl-4.00 pm se jsiru ħames logħbiet, waħda minnhom tinvolvi lil Liverpool li ġejjin mill-ewwel telfa meta se jerġgħu jkunu f’darhom din id-darba kontra Bournemouth li min­kejja li jafu jagħtu logħba lil kulħadd kisbu rebħa u żewġ draws mill-ewwel   tliet logħbiet iżda ġejjin minn telfa ta’ 1-0 f’darhom kontra Chelsea.

Ir-Reds reġgħu għandhom moral għoli wara r-reb­ħa stupenda fiċ-Champions League kontra Milan bl-eroj tagħhom ikunu d-difensuri ċentrali, Ibrahima Konate u Virgil van Dijk, li skorjaw l-ewwel żewġ goals f’San Siro.

Team ieħor li lagħab fiċ- Champions League, ir-rebbieħa tat-Tazza tal-Ewropa fl-1982, Aston Villa, ikunu nvoluti fid-Derby tal-Midlands kontra Wolves f’Villa Park b’dawn tal-aħħar xejn għadu ma ġiehom tajjeb dan l-istaġun.

Il-Villa marru l-Isvizzera biex jiltaqgħu kontra Young Boys u ċertament li ma ddiżappuntawx lill-partitarji tagħhom u lill-mana­ger Unai Emery.

Fulham se jilqgħu lit-team min-North East, Newcastle United, meta l-Cottagers jinsabu fl-10 post b’ħames punti u huma fit-tielet post b’10 punti.

Il-Ħadd li għadda l-Magpies għelbu lil Wolves 2-1 barra minn darhom f’logħba li setgħu tilfu jew inkella spiċċawha fi draw. Iżda żewġ goals stupendi tard fil-partita, l-ewwel wieħed devjat, kienu biżżejjed għalihom.

Logħba bejn żewġ timi­jiet fin-naħa t’isfel tal-klassifika se tintlagħab fil-King Power Stadium fejn Leicester City jilqgħu lil Everton li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika.

Min-naħa tal-Foxes, hu­ma jinsabu fil-15-il post b’żewġ punti biss x’juru għall-isforzi tagħhom fejn għadhom jistrieħu fuq il-goals tal-veteran Jamie Vardy.

Southampton u Ipswich Town jinsabu fl-istess ilma tal-logħba ta’ qabilhom bis-Saints jinsabu bla punt u t-Tractor Boys b’żewġ punti iżda qed jokkupaw is-17-il post minħabba d-differenza tal-goals.

Illum isir  derby ieħor ta’ Londra li fih Tottenham jilq­għu lil Brentford li jafu jagħtu logħba lil kulħadd u dan meta telaqhom l-attakkant Ivan Toney u issa għandhom lil Johan Wissa barra għal xi żmien min­ħabba li jinsab imweġġa’.

Wara li bdew bi draw u rebħa, Spurs ġejjin minn żewġ telfiet u issa qed jokkupaw it-13-il post bl-erba’ punti li rebħu fil-bidu.

Aktar tard fis-6.30 pm tinlagħab il-partita bejn Crystal Palace u Manchester United li wara li bdew b’rebħa, sofrew żewġ telfiet u s-Sibt għelbu lil Southampton barra minn darhom, rebħa li rathom jitil­għu fl-10 post.

Min-naħa tal-Eagles, huma mhux qed ikollhom staġun tajjeb meta ħadu żewġ punti minn daqstant draws wara li kienu bdew b’żewġ telfiet.

Il-logħba ta’ għada wara nofs in-nhar tara lil Brigh­ton jilqgħu lil Nottingham Forest meta l-moral ta’ dawn huwa għoli wara r-reb­ħa kontra Liverpool.

Intant, il-Forest, li jinsabu fis-seba’ post bi tmien punti huma wieħed minn ħames timijiet li għadhom ma sofrewx telfa bl-avversarji tagħhom ukoll bdew b’żewġ rebħiet u żewġ draws.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport