Sunday, December 22, 2024

Premier Ingliż: Man City jimmiraw għall-ħames titlu nfila

Aqra wkoll

Wara li fl-aħħar żewġ staġuni Manchester City kellhom lil Arsenal bħala l-akbar avversarji tagħhom għar-rebħ tal-Premier League Ingliż, fis-sentejn ta’ qabel kienu Liverpool li tawhom battikata sal-aħħar.

Għaldaqstant issa wieħed irid jara jekk is-City għadx baqagħlhom gass fit-tank biex ikomplu jkabbru r-rekord biex jagħmluha kważi impossibbli għat-timijiet l- oħra li jagħmlu bħalhom fiż-żminijiet tal-lum għal­kemm trid ikollok lil Pep Guardiola fit-tmexxija biex tagħmel bravura bħal din.

Is-City se jibdew bil-konfront kontra Chelsea fi Stamford Bridge għada wara nofs in-nhar bil-kuntrast bejn iż-żewġ timijiet ikun li s-City ma xtraw lil ħadd, anzi tilfu lill-attakkant Arġentin, Julian Alvarez li sieħeb lil Atletico Madrid, waqt li Chelsea kienu iktar involuti fis-suq tat-trasferimenti.

Arenal, li qed jissemmew li se jkunu l-akbar sfidanti tagħhom, se jilqgħu lil Wolves fl-Emirates Stadium li huwa ground li t-team tal-Midlands qed isibha diffiċli biex imur lura lejn daru b’xi punti.

Il-Gunners issaħħew meta ħadu lid-difensur internaz­zjonali Taljan,  Riccardo Ca­lafiori mingħand Bologna kif ukoll ħadu għal kollox lill- goalkeeper David Raya mingħand Brentford.

Min-naħa tagħhom Wol­ves biegħu lid-difensur Ma­ximilian Kilman lil West Ham u lill-attakkant Pedro Neto lil Chelsea u issa qed jippruvaw jakkwistaw players oħra fil-pożizzjoni tagħ­hom.

Club ieħor li xejn ma kien involut fix-xiri ta’ players huwa dak ta’ Liverpool li barra li ma ħadu lil ħadd neħħew lill-attakkant żagħżugħ, Fa­bio Carvalho li kellu pre-season mill-aqwa.

Issa huma għandhom lill-Olandiż Arne Slot li ħa post Jurgen Klopp fuq il-bankina wara li b’sorpriża għal kulħadd f’Jannar dan ħabbar li kien se jħalli postu fi          tmiem l-istaġun.

Iżda r-Reds jidhru li sabu suċċessur denju tal-Ġermaniż meta mingħajr ilmenti qed jaħdem bil-players li wiret mingħandu għalkemm dawn huma ferm validi meta ssemmi wħud bħal Mohamed Salah, Cody Gakpo, Luis Diaz u Diogo Jota fuq quddiem, Virgil Van Dijk u Trent Alexander-Arnold fid- difiża quddiem il-goalkeeper Alison Becker.

Huma se jibdew fl-ewwel logħba tal-lum ta’ waqt il-ħin tal-ikel meta jmorru għand il-promossi Ipswich Town li reġgħu jinsabu mal-kbar wara nuqqas ta’ 22 sena li fihom anke lagħbu f’League One.

Logħba bejn żewġ timijiet bl-istess kuluri tal-flokkijiet, West Ham u Aston Villa, għandha tkun ferm interessanti wara li t-tnejn għamlu akkwisti validi.

Il-Villa, li fl-istaġun li għadda temmew ir-raba’ fil- klassifika, jinsabu taħt l-  idejn abbli tal-manager Span­jol, Unai Emery, waqt li l-Hammers se jkollhom lill-kompatrijott tiegħu, Julen Loputegui, li fl-istaġun li għadda kien wieqaf wara li erbat ijiem qabel ma beda l-kampjonat ħalla lil Wolves lampa stampa.

Minkejja li t-team tiegħu se jkun fil-London Stadium, huma se jkollhom biċċa     xogħol diffiċli biex irażżnu lill-attakkant tal-Ingilterra, Ollie Watkins u sħabu.

Logħba bilanċjata għandha tkun dik f’Goodison Park bejn Everton u Brighton fejn tal-ewwel baqgħu taħt Sean Dyche u s-Seagulls issa jinsabu taħt il-gwida tal-Ġermaniż, Fabian Hurzeler.

It-Totteemen kellhom sta­ġun ta’ qtigħ il-qalb meta ġew penalizzati l-punti darb­tejn minħabba r-regoli finanzjarji. Iżda huma salvaw posthom mal-kbar.

Min-naħa l-oħra Brighton ma kellhomx staġun mill-aqwa tant li spiċċaw ‘l isfel iktar mis-soltu fil-klassifika.

Newcastle se jilqgħu lill- promossi Southampton f’St James Park u għalhekk it-team ta’ Eddie Howe jkun irid jibda b’rebħa.

Intant, minkejja li ssemmew xi players biex jitilqu lill-Magpies huwa biss Mi­guel Almiron li jista’ imur ma’ club ieħor wisq probabbli barra l-pajjiż. Anke Anthony Gordon issemma’ ħafna biex jingħaqad ma’ Liverpool iżda jista’ jkun li l-konnessjoni li kellu ma’ Everton m’għamlithiex possibbli.

Logħba oħra li se tintlagħab illum hija dik bejn Nottingham Forest u Bournemouth li fl-istaġun li għadda t-tnejn temmew fin-naħa t’isfel tal-klassifika.

It-team ta’ Nuno Espirito Santo jittama li jibda fuq nota tajba speċjalment meta ċ-Cherries tilfu s-servizzi tal-attakkant Dominic So­lanke li ngħaqad ma’ Tottenham. 

Min-naħa ta’ Bournemouth huma wkoll iridu jibdew billi jiksbu riżultat po­żittiv ħalli jitbegħdu mill-inkwiet tar-relegazzjoni kmieni kemm jista’ ikun.

Fl-ewwel logħba ta’ għada wara nofsinnhar jiltaqgħu ż-żewġ timijiet ta’ Londra, Brentford u Crystal Palace, li għandha tkun waħda bilanċjata għalkemm l-Eagles tilfu lill-Franċiż, Michael Olize, li sieħeb lil Bayern Munich.

Għall-Bees l-attakkant Ivan Toney, li qed jinteressa clubs oħra, se jibda l-istaġun mill-bidu wara li f’ta’ qablu kien sospiż fl-ewwel ħames xhur minħabba li kien involut fil-logħob tal-imħatri.

Finalment nhar it-Tnejn tintlagħab l-aħħar logħba li fiha ċ-champions taċ-Championship, Leicester City, jilqgħu lil Tottenham Hotspur f’darhom meta issa jinsabu taħt il-manager Steve Cooper li ħa post Enzo Maresca li llum jinsab ma’ Chelsea. 

Għal Spurs mistenni jiddebutta Dominic Solanke li għalih huma ħallsu £60 miljun lil Bournemouth.

Ekonomija

Sport