Saturday, December 14, 2024

Premier Ingliż: Manchester City jospitaw lil Liverpool f’konfront kolossali

Aqra wkoll

It-13-il ġurnata tal-Premier League Ingliż se tippre­żenta xejn inqas minn tliet logħbiet li jġegħluk tqum minn fuq il-pultruna daqs kemm huma attraenti u bilanċjati meta tnejn minnhom huma konfronti bejn timijiet mill-ewwel ħamsa fil-klassifika u l-oħra bejn tnejn ftit iktar ‘il isfel minnhom.

Il-programm ma jistax ikollu bidu iktar jaħraq meta ċ-champions u leaders pre­żenti, Manchester City, jilq­għu lil Liverpool li f’dawn l-aħħar snin is-City rebħu l-kampjonat darbtejn bi ftit punti fuq ir-Reds.

It-team ta’ Pep Guardiola, li nistgħu ngħidu ma kellux dak il-bidu qawwi li wieħed jistenna minnhom tant li l-punti li tilfu huma nklużi fl-aħħar sitt logħbiet meta wara żewġ telfiet, rebħu     tlieta u issa ġejjin mid-draw ta’ taqtiegħ il-qalb kontra Chelsea (4-4).

Iż-żewġ timijiet kellhom ruxxmata ta’ players mgħajta għal dmir internazzjonali fejn jittamaw li ma jkol­lhomx minnhom li ma jirritornaw qawwijn u sħaħ.

Illum ukoll Newcastle u Chelsea, li jinsabu fis-seba’ u l-10 postijiet rispettivament meta huma mifrudin b’erba’ punti jiffaċċjaw lil xulxin.

Il-Magpies naqqsu xi ftit mill-bidu tal-istaġun waqt li l-Blues donnhom irkupraw xi ftit wara bidu kajman tant li ġejjin minn żewġ logħbiet li fihom skorjaw erba’ goals kull darba, 4-1 kontra Burnley away u 4-4 kontra s-City home bit-12-il logħba tagħ­hom jaq­smuhom ugwalment, erba’ rebħiet, erba’ draws u erba’ telfiet.

Min-naħa tat-Toon huma tilfu erba’ darbiet ukoll iżda qasmu t-tmienja l-oħra mod ieħor: sitt rebħiet u żewġ draws.

Il-logħba l-oħra mistennija hija dik ta’ għada li fiha Tottenham jiltaqgħu kontra Aston Villa bi Spurs qed    igawdu punt vantaġġ fuq il-Villans.

Fl-aħħar sitt logħbiet kull team rebaħ erba’ logħbiet bil-Villa jieħdu punt iktar mit-team ta’ Londra. Dan l-istaġun it-team ta’ Unai Emery qed jagħti logħba lil kulħadd tant li huma kapaċi li anke jikkwalifikaw għaċ- Champions League meta f’dan l-istaġun jinsabu fil- Conference League.

Logħba bejn timijiet li jilbsu l-istess kuluri, maroon u ċelesti, se tintlagħab f’Turf Moor fejn Burnley jilqgħu lil West Ham li jinsabu trankwilli f’nofs il-klassifika waqt li l-Clarets jinsabu fl-aħħar post b’differenza ferm inferjuri tal-goals minn Everton.

Luton jinsabu punt fuq iż-żona l-ħamsa meta se jkunu f’darhom kontra Cry­stal Palace li anke huma qed jokkupaw post trankwill fil-klassifika. Mill-aħħar sitt logħbiet l-Eagles kisbu żewġ rebħiet u draw waqt li l-Hatters kisbu żewġ punti minn daqstant draws.

Nottm Forest se jkunu fis-City Ground kontra Brigh­ton li qed jokkupaw post komdu, eżattament fit-tmien wieħed meta għandhom 19-il punt.

Iżda t-team ta’ Roberto De Zerbi mar xi ftit lura meta mill-aħħar sitt ħarġiet ħadu erba’ punti biss li ġew minn daqstant draws. Mill-istess numru ta’ ħarġiet il-Forest ħadu punt iktar minnhom minn rebħa u tliet draws.

Iżda t-team ta’ Steve Cooper se jkollu jgħaddi mingħajr l-attakkant Taiwo Awoniyi li għalihom hija daqqa ta’ ħarta kbira għal­kemm jista’ jidħol minn floku l-Kiwi, Chris Wood, li dan l-aħħar tilef postu fl-ewwel team.

Logħba bejn żewġ timijiet fin-naħa t’isfel tal-klassifika hija dik bejn Sheffield Uni­ted u Bournemouth li se tintlagħab fi Bramall Lane b’dawn qed igawdu vantaġġ ta’ erba’ punti fuq il-Blades.

Derby ta’ Londra hija dik bejn Brentford u Arsenal b’dawn jinsabu fit-tielet post punt wara l-leaders li ħadulhom posthom Manchester City.

Il-Bees jinsabu 11-il punt wara l-Gunners iżda qed jokkupaw post komdu fin-nofs tal-klassifika.

Il-logħba tal-ħin tat-té ta’ għada tara lil Everton fl-az­zjoni mindu ġew ikkastigati 10 punti minħabba r-regoli tal-finanzi għalkemm għas- somma ta’ £19-il miljun skorruti l-kastig huwa wieħed inġust meta hemm clubs oħra li għamlu agħar minnhom iżda għadhom ma kel­lhom l-ebda tnaqqis ta’ punti jew ġew immultati.

It-Toffeemen se jilqgħu lil Manchester United f’Goodison Park meta dawn, min­kejja li sofrew ħames telfiet, xorta telgħu jokkupaw il-ħames post ħames punti wara Tottenham li jinsabu r-raba’.

Il-United kisbu erba’ reb­ħiet mill-aħħar sitt logħbiet waqt li Everton issa jinsabu qabel tal-aħħar bid-differenza tal-goals.

Finalment il-programm jintemm nhar it-Tnejn meta Wolves imorru għand Fulham fejn jiltaqgħu kontra l-eks benjamin tagħhom, Raul Jimenez, li ngħaqad magħhom fis-sajf.

Wolves ġejjin minn rebħa stupenda kontra Tottenham f’darhom li fiha ħarġu rebbieħa 2-1 b’goals li waslu fil-91 u fid-97 minuta wara li kienu ilhom minn taħt sa mit-tielet minuta.

Wara bidu nċert Wolves bdew jirbħu l-punti meta mill-aħħar sitt logħbiet ħadu 11 u l-Cottagers ħadu biss erb­għa.

Ekonomija

Sport