Monday, May 20, 2024

Kampjonat Premier: Sliema W. u Floriana jiltagħu fl-Old Firm Derby

Aqra wkoll

Wara l-impenji tat-team nazzjonali fir-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2024 kontra l-Ingilterra, illum u għada jirritorna l-BOV Kampjonat Premier meta tintlagħab it-tmien ġurnata, bl-aktar partita li tispikka hija dik bejn ir-ri­vali antiki, Sliema Wanderers u Floriana. 

Min-naħa taċ-champions Hamrun Spartans, li qed jaqsmu l-ewwel post ma’ Floriana, għandhom partita delikata meta jaffrontaw lil Marsaxlokk li jinsabu fit-tielet post. 

Birkirkara għandhom par­tita diffiċli meta jiltaq­għu kontra Naxxar Lions li qed jiksbu riżultati pożittivi kon­tra timijiet meqjusa ‘kbar’. 

Hibernians, Balzan u Valletta jibdew bħala favoriti fuq il-karta meta jiffaċċjaw lil Sirens, Gudja United u Sta Lucia  hekk kif dawn it-tliet timijiet tal-aħħar jin­sabu fiż-żona l-ħamra u jinsabu fil-bżonn tal-punti biex isalvaw mill-għarqa. 

Partita bilanċjata hija dik bejn Mosta u Gzira United li hija miftuħa għal kull riżultat. 

Sliema W. v Floriana – Meqjusa bħala l-Old Firm Derby, dan il-konfront ilaq­qa’ l-aktar żewġ timiijet antiki kif ukoll l-aktar li rebħu l-kampjonat … b’total ta’ 26 darba kull wieħed. 

Peró, fil-veritá r-rivalitá bejn dawn iż-żewġ timi­jiet mietet għal kollox u fejn qabel kienet tiġbed eluf ta’ partitarji lejn l-Empire Stadium, illum tattira biss ftit mijiet.  

Hija ħasra kbira hekk kif dawn iż-żewġ clubs kienu ndurati minn fost l-aqwa players fl-istorja tal-football domestiku. 

Intant, dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li ġejjin minn rebħa … Floriana fuq Sirens (3-0) u Sliema Wanderers fuq Santa Lucia   (1-0). 

Il-Wanderers mistennija jagħtu d-debutt liż-żewġ ak­kwisti ġodda, il-midfielder Liberjan, Joachim Adukor, u l-attakkant Bosnjan, Denis Kovacevic.  

Min-naħa tal-Greens, se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Matias Garcia minn sos­pensjoni. 

Marsaxlokk v Hamrun S. – Din hija partita li tista’ tmur kull naħa minkejja li Hamrun Spartans jibdew xi ftit favoriti. 

Iżda l-logħob impekkabbli li qed juru Marsaxlokk ma tkun l-ebda sorpriża jekk imorru lura d-dar b’xi punti. Il-fatt li jinsabu fit-tielet post mhijiex kumbinazzjoni iżda mertu tagħhom. 

Huma ġejjin minn reb­ħa ta’ 2-0 fuq Birkirkara għalkemm wieħed irid jis­t­qarr li l-waqfa internazzjo­nali tista’ tfixkel il-momentum tax-Xlukkajri. 

Min-naħa tagħhom, l-Ispartans jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ meta fl-aħħar ħarġa huma ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Mosta.  

Huma se jkollhom lil Joseph Mbong għad-dispożizzjoni wara li s-sospen­sjoni tiegħu ġiet annullata. 

Sirens v Hibernians – Bħal Gudja United u Sta Lucia, Sirens għadhom qed             ifittxu l-ewwel rebħa hekk kif jilagħbu kontra Hibernians. 

Iż-żewġ timijiet jinsabu fil-bżonn tal-punti … il-Paw­lini biex isalvaw posthom mal-kbar filwaqt li l-Pawlisti jridu jżommu l-kuntatt mat-timijiet ta’ fuq. 

Filwaqt li Sirens ġejjin minn telfa diffiċli ta’ 3-0 kontra Floriana, Hiber­nians kellhom jitħabtu biex għelbu lil Gudja Uni­ted 1-0.  

Huma se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Bjorn Kristensen, Zachary Grech u Ferdinando Apap, minn sospensjoni. 

Gudja U. v Balzan – Din hija partita bejn żewġ ti­mijiet li ġejjin minn telfa u għaldaqstant jimmiraw biex jirritornaw għar-rebħ. 

Jekk joħorġu b’idejhom vojta, din tkun it-tielet telfa konsekuttiva għal Balzan wara bidu tant tajjeb. 

Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż – Karl Micallef għal Gudja u Ivan Bozovic għal Balzan. 

Peró għall-Gudjani jirritorna Armando Melo minn sospensjoni. 

Mosta v Gzira U. – Mosta jaffrontaw lil Gzira United li minkejja li jinsabu fiż-żona tar-relegazzjoni, rebħa tarahom jaqbżu lill-istess Mostin fis-sitt pożizzjoni. 

Iż-żewġ timijiet ġejjin minn draw identiku ta’ 1-1 kontra Hamrun Spartans u Valletta rispettivament. 

Il-Mostin kienu t-tieni team f’dan l-istaġun li żammew liċ-champions, wara Sliema Wanderers. 

Iżda huma se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tan-Niġerjan, Christian Ndubisi Nanji, li tkeċċa fl-aħħar ħarġa. Peró jirritorna l-kompatrijott tiegħu, Damian Evans, minn sospen­sjoni. 

Naxxar L. v Birkirkara – Il-mistoqsija għal din il-partita hija jekk Birkirkara humiex se jkunu l-vittmi li jmiss ta’ Naxxar Lions wara r-rebħa fuq Balzan (2-1) u draws kontra Hibernians (0-0) u Floriana (1-1). 

Għaldaqstant, il-Karkariżi jridu juru rispett massimu lill-avversarji tagħ­hom. Peró huma se jkollhom żewġ pedini importanti sospiżi, Enrico Pepe u Ali Dia­kite, fejn min­għajr l-ebda dubju n-nuqqas tagħ­hom se jinħass. 

Barra minn hekk, l-Istripes jridu jirritornaw għar- rebħ wara t-telfa ta’ 2-0 kontra Marsaxlokk.  

Valletta v Sta Lucia – Wara li kisbu biss punt mill-aħħar żewġ partiti, Valletta ma jistgħux ifallu kontra Sta Lucia li jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar … hekk kif id-destin tagħhom jinsab miktub fuq il-ħajt.

Filwaqt li l-Beltin se jinżlu għal dan il-konfront bl-aqwa formazzjoni possibbli, il-Luċjani se jkol­lhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tas-sospiż, Sven Xerri, wara li tkeċċa fit-telfa ta’ 1-0 kontra l-Wanderers. 

Sport