Sunday, December 22, 2024

Premier Ingliż: Tispikka l-partita bejn Manchester City u Arsenal

Aqra wkoll

Bi tmienja mill-10 logħ­biet mit-30 programm tal-Premier League Ingliż ske­dati għal-lum, l-attenzjoni prinċipali hija mixħuta fuq iż-żewġ logħbiet ta’ għada li fihom huma nvoluti l-ewwel tliet timijiet fil-klassifika, Arsenal, Liverpool u Manchester City, għalkemm il-logħbiet kollha għandhom l-importanza tagħhom.

Is-City se jospitaw lil Arsenal fl-Etihad Stadium f’partita importanti għaż-żewġ timijiet hekk kif it-taqtiegħa għat-titlu qed tisħon sewwa. Bħalissa, it-taqtiegħa għat-tit­lu hija bejn tliet timi­jiet separati b’punt wieħed biss meta fadal 10 logħbiet oħra għat-tmiem tal-istaġun.

Arsenal jinsabu ftit ’il fuq mis-City b’vantaġġ ta’ punt. Huma għandhom l-aħjar rekord tal-goals b’total ta’ 70 dan l-istaġun b’medja ta’ 2.50 goal kull logħba. Difensivament, huma sofrew biss 24 goal u żammew lill-avversarji tagħhom mingħajr ma jis­korjaw għal 11-il darba.

Il-vantaġġ tas-City huwa li se jilagħbu f’darhom fejn dejjem juru konsistenza tre­men­da. Huma skorjaw 63 goal fi 28 logħba għal medja ta’ 2.25 goal kull logħba.

Huma lagħbu tajjeb ukoll fid-difiża peress li dan l- istaġun ċedew biss 28 goal u żammew lill-avversarji mingħajr ma jiskorjaw tmien darbiet.

Peró wieħed irid jara kemm se jkun hemm players neqsin minn dawk li weġ­ġgħu mat-timijiet nazzjonali tagħhom fejn is-City kellhom lil Kyle Walker u John Stones u l-Gunners lil Bukayo Saka, kollha mal-Ingilterra.

Fl-aħħar ħames ħarġiet Arsenal rebħu l-logħbiet kollha waqt li s-City fallew erba’ punti f’żewġ draws.

Il-logħba l-oħra ta’ għada tara lil Liverpool jospitaw lil Brighton fejn xejn inqas minn rebħa ma hija tajba għalihom meta ġejjin minn draw kontra Manchester City.

Qabel ma ġew eliminati mill-FA Cup huma kellhom ċans li jirbħu erba’ unuri, iżda xorta għad jistgħu jirbħu t-Treble bil-kampjonat huwa għadma iebsa għat-tliet protagonisti speċjalment għalihom li jkollhom f’moħħhom iż-żewġ unuri l-oħra.

Min-naħa tas-Seasiders huma jidhru li naqqsu xi ftit mill-istaġun ta’ qabel tant li fl-aħħar ħames logħbiet ħadu seba’ punti minn possibbiltá ta’ 15.

It-team fir-raba’ post, Aston Villa, se jkunu nvoluti fid-derby tal-Midlands meta jilqgħu lil Wolves f’Villa Park fil-partita ta’ waqt it-te’.

Iż-żewġ timijiet iridu r-reb­ħa għal raġuni jew oħra għax jekk Wolves qed jippruvaw jikkwalifikaw għall-Ewropa, l-għan tal-Villa huwa li jkunu fiċ-Champions League, xi ħaġa li ilhom ma jagħmlu għal dawn l-aħħar 42 sena.

Bħalissa t-team ta’ Unai Emery għandu tliet punti vantaġġ fuq Tottenham u disgħa fuq Manchester United iżda t-tnejn lagħbu logħba inqas minnhom. Għalhekk iridu joqogħdu ferm attenti li ma jfallux xi punti.

Fuq il-karta Tottenham jidhru li għandhom jegħlbu lil LutonTown fit-Tottenham Stadium iżda l-football ma jintlagħabx fuq il-karti.

Madankollu, Spurs għandhom munizzjon biżżejjed biex jieħdu t-tliet punti għal­kemm il-Hatters jafu jiġu mkaxkra u anke jissorprendu.

Manchester United se jmorru għand Brentford fil-logħba ta’ tard illum filgħaxija meta jafu l-konsegwenzi jekk joħorġu telliefa meta bħalissa l-club għaddej minn ristrutturar kbir wara li Sir Jim Ratcliffe issa għandu kważi t-tmexxija tat-team f’idejh jew almenu se jkunu jekk fis-sajf jeħles ill-mana­ger Olandiż, Erik ten Hag.

Dan għadu fil-kariga grazzi għar-rebħa fuq Liverpool fl-FA Cup li hija l-unika kompetizzjoni li jistgħu jirbħu dan l-istaġun minbarra li jtemmu fir-raba’ post fil- kampjonat.

Il-United ħadu tliet reb­ħiet u sofrew żewġ telfiet mill-aħħar ħames logħbiet iżda l-Bees marru ħażin ħafna meta ħadu draw biss minn daqstant logħbiet.

Newcastle se jkunu f’St James Park kontra West Ham meta dawn jinsabu erba’ punti aħjar minnhom bit-tnejn ikollhom riżultati mħallta kważi identiċi li minnhom il-Magpies ħadu seba’ punti u l-Hammers tmienja minn 15 kull wieħed.

Bournemouth se jkunu f’darhom kontra Everton li jinsabu erba’ punti bogħod miż-żona l-ħamra biċ-Cherries nistgħu ngħidu li huma virtwalment salvi meta jinsabu 14-il punt mit-tielet team mill-aħħar.

Chelsea, li prattikament huma barra mill-Ewropa me­ta jinsabu fil-11-il post, jidher li se jkollhom logħba li jistgħu jirbħu meta jkunu fi Stamford Bridge kontra Burnley li kellhom staġun ne­­gattiv tant li jidhru li se jirritornaw minn fejn ġew għalkemm bi sforz qawwi jist­għu jevitaw ir-relegazzjoni.

Nottingham Forest, li jin­sabu f’sitwazzjoni prekarja, se jkunu fis-City Ground kontra Crystal Palace li jinsabu tmien punti iktar minnhom. Għalhekk din il-logħba hija ferm importanti għat-team ta’ Nuno Espirito Santo biex iżommu posthom mal-kbar wara li ġew kastigati erba’ punti għal ksur tar-re­goli tal-Profitt u s-Sostenibbiltá tal-Premier League.

Fil-logħba l-oħra t-team tal-qiegħ, Sheffield United, se jkunu fi Bramall Lane biex jilqgħu lil Fulham li huma wkoll huma virtwalment salvi minn kull periklu.

Ekonomija

Sport