Monday, May 13, 2024

K/F tal-FA Trophy: Il-holders Birkirkara f’partita diffiċli kontra Hamrun S.

Aqra wkoll

Wara l-impenji tat-team nazzjonali Malti fiż-żewġ partiti ta’ ħbiberija kontra s-Slovenja (2-2) u l-Belarus (0-0), illum tirritorna l-Izibet FA Trophy fejn jintlagħbu l-kwarti-finali … bl-aktar li tispikka tkun dik bejn il-hol­ders Birkirkara u Hamrun Spartans li qed jimmiraw għad-double u li ilhom ma jirbħu din il-kompetizzjoni mill-1991/92. 

Partita oħra interessanti hija dik bejn il-leaders tal-Kampjonat Premier, Floriana, u  Marsaxlokk li qed jissieltu biex itemmu fir-raba’ pożizzjoni li tista’ tfisser il-passaġġ għall-UEFA Conference League. 

Fil-konfront bejn Mos­ta u Sliema Wanderers, dawn tal-aħħar jibdew favoriti iżda minkejja li qed jiġġieldu għas-salvazzjoni, Mosta żgur li se jqumu għall-okkażjoni biex ikomplu javvanzaw mal-aħħar erbgħa. 

Anke Gzira United jibdew bħala favoriti li jikkwalifikaw għas-semi-finali meta jaffrontaw lit-team min-National Amateur Lea­gue, Mgarr United, li diġá akkwistaw il-promozzjoni għaċ-Challenge League. 

Jekk il-partiti jibqgħu fi draw sad-90 minuta, jingħata l-ħin barrani … u f’każ li r-riżultat jibqa’ dak ta’ paritá jingħataw il-penalties biex jiġi deċiż ir-rebbieħ. 

Birkirkara v Hamrun S.– Bla dubju, din hija l-aqwa partita ta’ dan l-istadju bejn żewġ timijiet ġirien u rivali ta’ xulxin … li t-tnejn qed jimmiraw li jirbħu dan l-unur għas-seba’ darba. 

Inċidentalment, fi tmiem il-ġimgħa li ġej dawn iż-żewġ timijiet se jerġgħu jiltaqgħu f’partita kruċjali valida mill-Kampjonat Premier u għaldaqstant diġá tinħass it-tensjoni. 

F’dan l-istaġun, huma ltaqgħu darbtejn fejn il- Karkariżi kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor 3-0 fil-Kampjonat Premier filwaqt li l-Ispartans wettqu tpattija sportiva fil-finali tas-Super Cup me­ta kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor kbir ta’ 4-0. 

Biex waslu sa dan l-istadju, l-Istripes għelbu lit-team miċ-Challenge League, Attard (3-0), fit-tieni round  u lil Sirens (1-0) fil-ħin barrani, fl-Aħħar 16. 

Min-naħa tal-Ispartans, dawn għelbu lit-team miċ- Challenge League, Lija Atheltic u lil Gudja United bl-iskor identiku ta’ 3-0. 

Fiż-żewġ partiti preċe­denti, filwaqt li Birkirkara utilizzaw 19-il player b’etá medja ta’ 25.39 … Hamrun użaw player aktar b’etá medja ta’ 27.42.

Ġħall-Karkariżi, din se tkun il-51 kwarti-finali tagħhom li fihom ġew eli­mi­nati f’25 minn­hom. 

Min-naħa tal-Ħamruniżi, se tkun is-57 kwarti-finali hekk kif fi 12-il okkażjoni kkwalifikaw għas-semi-finali. 

 Marsaxlokk v Floriana – Din hija partita li tista’ tmur kull naħa minħabba li ż- żewġ timijiet jinsabu armati tajjeb fl-attakk. 

U filwaqt li Floriana jin­sabu fil-quċċata tal-klassifika tal-Kampjonat Premier, Marsaxlokk jinżlu b’moral għoli hekk kif ġejjin minn rebħa ta’ 2-1 fuq Hamrun Spartans biex dawn tal-aħ­ħar ċedew l-ewwel post. 

F’dan l-istaġun, iż-żewġ timijiet iltaqgħu darba fejn Floriana ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-2. 

Biex waslu sal-aħħar tmienja, Marsaxlokk elimi­naw liż-żewġ timijiet taċ- Challenge League – Zejtun Corinthians (5-0) u Swieqi United (3-0). 

Min-naħa ta’ Floriana, dawn komplew javvanzaw għas-spejjeż ta’ Naxxar      Lions (2-0) u tat-team miċ- Challenge League Zebbug Rangers (7-1).  

Għal Floriana din se tkun is-70 kwarti-finali li f’20 minnhom ġew eliminati filwaqt li għax-Xlukkajri din se tkun l-10 darba u f’ħames okkażjonijiet ġew eliminati. 

Mosta v Sliema W. – Mos­ta għandhom ċans żgħir biex isalvaw l-istaġun tagħ­hom. 

Dan minħabba li filwaqt li jinsabu fiż-żona l-ħamra tal-Kampjonat Premier u fil-periklu li jiġu relegati, jinsabu wkoll mal-aħħar tmienja ta’ din il-kompetizzjoni. 

Huwa ltaqgħu darbtejn kontra Sliema Wanderers fil-kampjonat fejn dawn tal-aħħar ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0, bil-partita l-oħra tintemm fi draw ta’ mingħajr goals. 

Għaldaqstant … skond l-ordni kronoloġika … issa jmisshom rebħa?!

Biex għaddew sal-kwarti-finali, Mosta rebħu lit-team taċ-Challenge League, Pietá Hotspurs (5-1) u lil Valletta (2-1).

Il-Wanderers għamlu l- istess kontra t-team min-National Amateur League, Marsaskala u kontra Balzan bl-iskor identiku ta’ 1-0. 

Gzira U. v Mgarr U. – Mgarr United jimmiraw li jwettqu waħda mill-akbar sorpriżi fl-istorja ta’ din il-kompetizzjoni meta jiffaċċjaw lil Gzira United. 

Huma diġá eliminaw lit-team tal-Premier, Sta Lucia, 4-3 bl-għoti tal-penalties wara li temmew fi draw ta’ 3-3.

Dan is-suċċess wasal wara li l-Imġarrin ittrijonfaw kontra Msida St Joseph, li wkoll jilagħbu fin-National Amateur League, bl-iskor ta’ 3-1. 

Min-naħa l-oħra, il-Gżirjani eliminaw lit-team miċ- Challenge League, Fgura United (2-0) u lil Hibernans bl-iskor ta’ 1-0. 

Għal Mgarr, dan huwa t-12-il staġun li qed jieħdu sehem f’din il-kompetiz­zjoni prestiġjuża u b’kollox lagħbu kontra 15-il team … u l-aktar li avvanzaw kien sat-tielet round f’żewġ okkażjonijiet. 

Din hija t-13-il darba għall-Maroons li waslu sal-kwarti-finali fejn f’ħamsa minnhom ġew eliminati. 

– Cristian Muscat

Sport