Sunday, December 29, 2024

Premier Ingliż: Tispikka Tottenham v Liverpool

Aqra wkoll

Is-seba’ programm tal-Premier League Ingliż huwa mifrux fuq tlett ijiem, mil-lum sa nhar it-Tnejn, bl-aqwa logħba tkun dik tal-lejla meta Tottenham Hotspur jilqgħu lil Liverpool fit-Tottenham Stadium fl-aħħar logħba tal-ġurnata.

Bħalissa t-team ta’ Ange Postacoglou jinsab fir-raba’ post, żewġ punti inqas minn Liverpool li jinsabu waħedhom fit-tieni post meta ġejjin minn ħames rebħiet konsekuttivi waqt li Spurs bdew bi draw, ħadu erba’ rebħiet u ġew draw fl-aħħar ħarġa tagħhom.

Brighton, li nhar l-Erbgħa ġew eliminati mil-League Cup minn Chelsea, se jmorru għand Aston Villa li qed ikollhom staġun sodisfaċenti għalkemm anke huma ġew eliminati mil-League Cup meta Everton għelbuhom 2-1 f’Villa Park.

Intant il-leaders Manchester City, se jkunu qed iżuru Molineux bħala mis­tiedna ta’ Wolves li qed ikollhom staġun kuntras­tanti bis-City ixxamplati fil-quċċata b’punti massimi waqt li l-avversarji tagħhom qed isibuha diffiċli wara l-problemi finanzjarji konnessi mal-Financial Fair Play tant li kellhom ineħħu bosta players ta’ stoffa.

Kull team se jkollu player sospiż meta qed jiskontaw sospensjoni ta’ tliet logħbiet kull wieħed għal karta ħamra diretta, Rodri għas-City u Jean-Ricner Bellegarde għal Wolves.

Iż-żewġ timijiet ġejjin minn telfa fil-League Cup, is-City kontra Newcastle 1-0 u Wolves kontra Ipswich Town 3-2 wara li kienu żewġ goals minn fuq.

Arsenal se jmorru għand Bournemouth li minkejja li jinsabu ‘l isfel fil-klassifika jafu jagħtu logħba diffiċli lil kull avversarju meta jkunu fil-Vitality Stadium.

Il-Gunners fallew erba’ punti minn żewġ draws u b’konsegwenza qed jokkupaw il-ħames post, erba’ punti taħt il-leaders. Min­kejja dan m’għandux jonqos li huma l-favoriti għat-tliet punti.

Manchester United se jerġgħu jkunu f’Old Trafford kontra Crystal Palace wara li nhar l-Erbgħa għelbuhom 3-0 fil-League Cup. Il-United qed igawdu punt fuq il-Palace, 9 għal 8, u meta se jkunu home ċ-ċansijiet li jergħu jirbħulhom huma kbar.

Newcastle, li fl-istaġun li għadda spiċċaw fl-ewwel  erbgħa, mhux qed ikollhom staġun kif jixtiequ. Huma se jkunu f’darhom kontra Burnley li bħal Luton u Sheffield United għandhom punt biss u ħadd ma rebaħ logħba mit-tlieta.

Il-Clarets se jiffaċċjaw lill-eks goalkeeper tagħ­hom, Nick Pope, li s’intendi ma jridx ikun fin-naħa telliefa kontra l-eks team tiegħu.

Team li wara li l-istaġun l-ieħor temmu bir-rebħ tal-UEFA Conference Lea­gue u f’dak kurrenti ma ħarisx lura huwa dak ta’ West Ham li qed jokkupaw is-seba’ post għalkemm fl-aħħar żewġ logħbiet ma kiseb l-ebda punt.

Il-Hammers se jkunu fil-London Stadium biex jilqgħu lil Sheffield United li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika meta huma t-team li sofra l-ikbar total ta’ goals – 17. It-team immexxi minn David Moyes qed jagħti logħba lil kulħadd u l-avversarji tal-lum se jsibuha diffiċli kontrihom.

Logħba bejn żewġ timi­jiet fin-naħa t’isfel tal-klassifika tara lil Everton jospitaw lil Luton meta t-Toffees qed igawdu tliet punti vantaġġ fuq il-Hatters li nhar it-Tlieta sofrew telfa umiljanti kontra Exeter City ta’ League One.

Għada se tintlagħab logħba waħda meta tneħ­ħiet dik ta’ ħin it-té meta wara nofsinhar Nottingham Forest u Brentford jiltaqgħu fis-City Ground b’tal-ewwel jinsabu punt fuq il-Bees. Għalhekk rebħa minn xi ħadd minnhom tiswa mit­qlu deheb biex ikomplu jitla’ ‘l fuq.

L-aħħar logħba tal-programm li se tintlagħab nhar it-Tnejn hija l-unika derby ta’ Londra għal din il-ġimgħa li fiha Fulham ikunu fi Craven Cottage kontra Chelsea.

Il-Blues ġejjin mir-rebħa kontra Brighton fil-League Cup li kienet it-tieni rebħa tal-istaġun bl-oħra tiġi fil- kampjonat li biha ftit li xejn għamlu avvanz meta jinsabu fl-14-il post b’ħames punti biss x’juru. 

Huma se jkollhom jgħaddu mingħajr Nicolas Jackson u Malo Gusto li jinsabu sospiżi.

Ekonomija

Sport