Monday, December 9, 2024

Premier League: Anfield u Stamford Bridge jilqgħu l-aqwa żewġ logħbiet

Aqra wkoll

Il-11-il ġurnata tal-Premier League Ingliż li se tintlagħab illum u għada se tara żewġ stadiums ikoniċi jilqgħu erba’ timijiet li jinsabu fl-ewwel sitt postijiet tal-klassifika. Dan meta llum f’Anfield, Liverpool jilqgħu lil Aston Villa u għada Stamford Bridge jospita lil Chelsea kontra Arsenal.

Fost il-ġimgħa l-erba’ timijiet kienu mpenjati fiċ-Champions League minbarra l-Blues li qed jieħdu sehem fil-Conference Lea­gue.

Il-leaders Liverpool qed igawdu vantaġġ ta’ seba’ punti fuq Aston Villa li mill-aħħar sitt logħbiet ħadu żewġ rebħiet, tliet draws u sofrew telfa.

Minkejja li l-manager Arne Slot għandu żewġ pedini barra għax imweġġa’, il-goalkeeper Alisson Becker u l-attakkant Diogo Jota, huma baqgħu sejrin fit-triq it-tajba kemm fil-kampjonat kif ukoll fiċ-Champions League fejn f’din tal-aħħar għadhom l-uniku team b’rekord ta’ 100%.

Il-Villa sofrew l-ewwel telfa fl-Ewropa meta tilfu 1-0 b’penalty banali ta’ Tyrone Mings meta qabad il-ballun b’idu fil-kaxxa għall-ebda raġuni.

Fil-logħba l-oħra, Chelsea u Arsenal ikunu nvoluti fid-derby ta’ Londra meta bħalissa jinsabu bi 18-il punt kull wieħed u t-tnejn ġejjin minn riżultati imħallta fil-kampjonat, Chelsea ġew draw  kontra Manchester United (1-1) away u Arsenal tilfu kontra Newcastle (1-0) away ukoll.

Iċ-champions Manchester City se jmorru għand Brighton meta issa ilhom tliet logħbiet ma jirbħu, kontra Tottenham (tilfu 2-1 fil-League Cup), kontra Bournemouth (tilfu 2-1 fil- kampjonat) u kontra Sporting Lisbon (tilfu 4-1 fiċ- Champions League).

Dan huwa kaġun tal- players imweġġa’ li għandhom, l-aktar wieħed Rodri li għandu l-istaġun kollu barra, waqt li Kevin De Bruyne issa ilu barra għalkemm kontra Sporting ġie wżat bħala sostitut tard. 

Illum il-programm jibda kmieni wara nofsinnhar bil-logħba li fiha Brentford jilqgħu lil Bournemouth, żewġ timijiet li huma mif­rudin b’żewġ punti favur iċ-Cherries ftit ‘il fuq miż-żona tar-relegazzjoni.Ir-rekord fl-aħħar sitt logħbiet jiffavorixxi lil dawn tal-aħħar li rebħu tliet logħbiet u ġew draw f’oħra waqt li l-Bees ħadu żewġ rebħiet u draw.

Logħba ferm mistennija hija dik bejn Wolves u Southampton li jinsabu fl-aħħar żewġ postijiet tal- klassifika b’tal-ewwel iddisprati għall-ewwel rebħa wara li s-Sants ħadu l-ew­wel waħda tagħhom meta s-Sibt għelbu lil Everton 1-0 b’goal ta’ Adam Armstrong fil-85 minuta.

Wolves iridu jitgħallmu kif iżommu vantaġġ meta wara li jmorru minn fuq mhumiex kapaċi jżommuh sat-tmiem u dan ma seħħx l-ewwel darba nhar is-Sibt kontra Crystal Palace meta wara li sabu ruħhom minn taħt, dawru l-iskor iżda l-Palace għarrqulhom kollox bil-goal tad-draw fil- logħba li ntemmet 2-2.

Crystal Palace u Fulham se jkunu nvoluti fid-derby ta’ Londra, iżda hawnhekk huma l-Cottagers li jinsabu minn fuq meta għandhom tmien punti iktar mill-     Eagles.

Ir-rebħa li kisbu nhar it-Tnejn kontra Brentfotrd (2-1) kompliet tgħolli lil Fulham ‘il fuq biż-żewġ goals tal-attakkant Harry Wilson fil-ħin miżjud għol­lewlu l-profil tiegħu.

Żewġ timijiet li jinsabu ftit ‘il fuq mill-postijiet tar-relegazzjoni, West Ham u Everton, se jiltaqgħu fil-London Stadium, fejn rebħa għal xi wieħed minnhom tkun tiswa mitqlu    deheb, l-iktar għall-mana­ger tal-Hammers, Julen Lopetegui, li iktar riżultati negattivi jarawh jersaq lejn il-bieb ta’ barra bħal dak ta’ Wolves, Gary O’Neil.

Għada wara nofsinhar jintlagħbu tliet logħbiet bl- iktar waħda miftuħa għal kull riżultat hija dik bejn Nottingham Forest u Newcastle United fis-City Ground.

Il-Forest huma t-team rivelazzjoni tal-istaġun me­ta qed jokkupaw it-tielet post meta ġejjin minn tliet rebħiet u żewġ draws u l-Magpies minn rebħa u żewġ draws mill-aħħar sitt logħbiet li lagħbu.

Manchester United se jilagħbu l-aħħar logħba minn erbgħa taħt il-mana­ger temporanju, Ruud Van Nistelrooy, u jidher li mhux se jispiċċa xogħlu fuq in-naħa telliefa qabel ma jagħti r-riedni lill-Portugiż, Ruben Amorim.

Il-United għelbu lil Lei­cester (5-2) fil-League Cup, ġew draw kontra Chelsea (1-1) fil-kampjonat u għelbu lil PAOK tal-Greċja (2-0) fl-Europa League bl-aħħar logħba għada tkun kontra Leicester f’Old Trafford ukoll.

Finalment, il-logħba l- oħ­ra hija dik li se tintlagħab f’Tottenham Sta­dium li fiha Tottenham jilqgħu lil Ipswich li bħal Wolves huma l-uniċi mingħajr rebħa wara 10 logħ­biet.

Spurs ġejjin minn telfa 3-2 kontra Galatasaray tat-Turkija fl-Europa Lea­gue bid-differenza tal-punti hija waħda kbira – 16-5 favur it-team ta’ Londra. Għalhekk se tkun diffiċli għal Ipswich biex jiksbu tliet punti importanti jew almenu punt. 

Ekonomija

Sport