Sunday, December 29, 2024

Premier League: Arsenal f’test diffiċli għand Aston Villa

Aqra wkoll

Wara li l-leaders tal-Premier League Ingliż, Ar­senal, ġabuha żewġ bil- ħniena meta għelbu lil Luton Town 4-3 b’goal fis-97 minuta, illum għandhom pro­va diffiċli oħra meta jiltaqgħu kontra t-team rivelazzjoni tal-istaġun, Aston Villa, li issa telgħu fit-tielet post erba’ punti biss wara l- Gunners.

Min-naħa tagħhom il-Villans ġejjin minn rebħa ta’ 1-0 f’darhom kontra Manchester City biex issa dawn niżlu fir-raba’ post meta ilhom erba’ logħbiet ma  jduqu reb­ħa bi tliet draws u telfa.

Bla dubju l-manager Unai Emery qed jitfaċċa bħala l- aqwa wieħed tal-istaġun fejn anke fl-Ewropa qed jiggwida lit-team fit-triq it-tajba.

Tottenham se jilqgħu lil Newcastle f’logħba li għaliha ż-żewġ timijiet ġejjin minn telfa ta’ ħsara meta nhar il-Ħamis it-tnejn sfaw megħluba, Spurs 2-1 f’darhom kontra West Ham u Newcastle 3-0 minn Everton f’Goodison Park.

Spurs tilfu erba’ logħbiet mill-aħħar ħamsa bl-oħra jtemmuha fi draw bit-telfa mal-Hammers tarahom jibq­għu fil-ħames post iżda ġew milħuqa minn Manchester United.

Min-naħa tagħhom il- Magpies jinsabu fis-seba’ post punt inqas minnhom u jekk ifallu din il-logħba jistgħu jinqabżu minn Brighton u West Ham.

Liverpool, li jinsabu fit-tieni post żewġ punti wara l-leaders, se jiftħu l-programm tal-lum meta jmorru għand Crystal Palace li ġejjin minn tliet telfiet u draw waqt li r-Reds ħadu  tliet rebħiet u żewġ draws mill-aħħar ħames ħarġiet.

Il-manager Jurgen Klopp għadu mingħajr il-goalkeeper Allison Becker u Diogo Jota waqt li tilef għall-istaġun kollu lid-difensur Joel Matip bl-injury li ġarrab fil-logħba kontra Sheffield United li huma rebħu 2-0 waqt li anke Alexis Mac Allister weġġa’ fl-istess logħba.

Min-naħa tagħhom, il- Palace ġejjin mit-telfa ta’ 2-0 f’Selhurst Park kontra Bournemouth li anke la­ħ­quhom fil-klassifika.

Brighton, li ma kienux għaddejjin tajjeb, irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Brentford 2-1 wara li kienu sabu ruħhom minn taħt. Illum se jkunu fl-AMEX Sta­dium biex jilqgħu lil Burnley li wara li s-Sibt li għadda għelbu lil Sheffield United 5-0, it-Tlieta tilfu 1-0 kontra Wolves.

Manchester United se jerġgħu jkunu f’Old Trafford biex jilqgħu lil Bournemouth wara li min-naħa tagħhom għelbu lil Chelsea 2-1 f’darhom ukoll.

Jidher ċar li l-midfielder Scott McTominay, qed ikun il-player li jerfa’ lill-mana­ger Erik ten Hag minn xagħru meta qed jiskorja goals importanti li qed jissarfu f’punti prezzjużi. Anke l- Ar­ġentin, Alejandro Garna­cho, qed ikun ferm importanti fl-attakk tar-Red De­vils.

Wolves se jerġgħu jkunu f’Molineux biex jilqgħu lil Nottm Forest f’logħba importanti għaż-żewġ timijiet;  Wolves biex ikomplu jitbegħdu miż-żona l-ħamra u l-Forest għall-istess raġuni meta jinsabu ħames punti warajhom bit-team tal-ma­nager Steve Cooper li postu huwa mhedded, meta jinsabu erba’ punti biss aħjar minn Luton li qed jokkupaw it-tielet post mill-aħħar.

Chelsea, li jinsabu fl-10 post se jkunu f’Goodison Park kontra Everton li ġejjin minn rebħa stupenda ta’ 3-0 fuq Newcastle li mmaturat fl-aħħar 11-il minuta bil-ħin miżjud b’kollox.

Għalhekk din il-logħba għat-team ta’ Mauricio Po­chettino tidher li hija ta’ żelqa ta’ banana meta t-Toffeemen jinsabu ddisprati biex ma jiġux relegati wara li ngħataw penalitá ta’ 10 punti minħabba rregolaritajiet finanzjarji.

L-uniku derby ta’ Londra se jsir fi Craven Cottage li fiha Fulham jilqgħu lil West Ham meta ż-żewġ timijiet ġejjin minn rebħiet importanti. Il-Cottagers mir-rebħa kbira ta’ 5-0 fuq Nottm Forest u l-Hammers minn dik 2-1 kontra Tottenham.

Iċ-champions Manchester City se jkunu f’Kenilworth Road kontra Luton Town meta ż-żewġ timijiet ġejjin minn telfa bis-City ifallu ma’ Aston Villa u l-Hatters jiġu megħluba f’logħba ta’ seba’ goals minn Arsenal.

Is-City għaddejjin minn żmien xejn feliċi bl-attakkant Erling Haaland jidher li xxotta mill-goals waqt li Luton ma kienux mistennija li jiskorjaw tlieta kontra d-difiża kompatta ta’ Arsenal iżda xorta spiċċaw fuq in-naħa telliefa.

Ekonomija

Sport