Wednesday, July 24, 2024

Serie A: Inter jilqgħu lil Udinese f’logħba li għandhom jirbħu

Aqra wkoll

Illum u għada jitkompla jintlagħab il-programm tal-14-il ġurnata tas-Serie A wara li tard ilbieraħ filgħa­xija Juventus għelbu lil Napoli bl-iskor ta’ 1-0, fl-Allianz Stadium. 

Inter v Udinese – Il-leaders Inter jilagħbu f’darhom kontra Udinese li jinsabu fis-16-il post tal-klassifika. 

Il-fatt li n-Nerazzurri hu­ma t-team tal-mument, jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti għalkemm fil-football jista’ jseħħ kollox. 

Huma ġejjin minn reb­ħa ta’ 3-0 għand Napoli u għaldaqstant għandhom il- moral għoli. 

Aktar minn hekk, is-sistema tal-coach, Simone In­zaghi, tidher li miexja fid-direzzjoni l-ġusta bil- konsegwenza li l-atmosfera hija waħda serena. 

Barra minn hekk, f’dawn l-aħħar jiem ħadu l-aħbar it-tajba li t-taħditiet mal-attakkant Arġentin, Lautaro Martinez, biex iġedded il-kuntratt jinsabu fil-qrib li jiġu konklużi. 

Min-naħa ta’ Udinese, ġejjin minn draw ta’ 3-3 kontra Verona biex iż-żewġ timijiet fallew żewġ punti kull wieħed fit-tentattiv li jkomplu jissieltu għas-salvazzjoni. 

Huma ilhom ma jirbħu f’San Siro għal dawn l-aħħar sitt snin meta l-aħħar darba li għamlu dan kien fis-16 ta’ Diċembru, 2017, bl-iskor ta’ 3-1.

Inter għandhom neqsin lil Denzel Dumfries, Stefan de Vrij, Alessandro Bastoni u Benjamin Pavard filwaqt li Udinese ma jistgħux jinkludu lil Vivaldo, Keinan Davis, Jake Bijol, Brenner u Gerard Delofeu, li kollha qed jirkupraw minn injury. 

Atalanta v Milan – Milan imorru fil-belt ta’ Bergamo biex jaffrontaw lil Atalanta f’dik li hija meqjusa bħala konfront mill-aktar diffiċli hekk kif Atalanta ġejjin minn telfa ta’ 3-0 kontra Torino. 

Bla dubju, huma jinżlu determinati biex ipattu għal dan id-diżappunt u rebħa tkun tfisser li jerġgħu jid­ħlu fit-taqtiegħa għaż-żona Ewropa. Iżda telfa taqtagħlhom kull tama li jkomplu jisfidaw. 

Il-Milanisti jimmiraw li jżommu l-pass ma’ ta’ fuqhom minħabba li b’telfa jkunu distakkati b’disa’ punti fil-konfront ta’ Inter (jekk dawn jegħlbu lil Udinese). 

 Il-coach ta’ Milan, Stefano Pioli, ma jistax jinkludi lil Malick Thiaw, Noah Okafor, Rafael Leao, Pierre Kalulu, Simon Kjaer u Marco Sportiello filwaqt li Gian Piero Gasperini għandu barra lil Gianluca Scamacca, Jose Luis Palomino u El Bilal Toure … kollha qed jirkupraw minn injury. 

Roma v Fiorentina – Dan huwa konfront li għandu jkun ferm interessanti hekk kif Roma, li jinsabu fir-raba’ post, jospitaw lil Fiorentina li jinsabu punt biss wa­rajhom. 

Għaldaqstant, jekk il-Vio­la joħorġu rebbieħa, hu­ma jaqbżu lill-istess Roma fir-raba’ jew fil-ħames post tal-klassiika … jiddependi x’jagħmlu Roma. 

Iż-żewġ timijiet għandhom bosta players neqsin minħabba li jinsabu mweġ­ġgħin. 

Dawn huma Chris Smalling u Tammy Abraham għal Roma filwaqt li Tommaso Martinelli, Dodo u Gaetano Castrovilli se jkunu neqsin għal Fiorentina.  

Ekonomija

Sport