Saturday, November 16, 2024

Premier League: Bosta konfronti diretti bi Floriana v Valletta l-aktar li tispikka

Aqra wkoll

Bejn illum u għada tintlagħab id-disa’ ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier liema programm mistenni jiġbed l-akbar attendenzi s’issa tal-istaġun hekk kif se jippreżenta tliet konfronti kolossali – id-derby bejn ir-rivali eterni, Floriana u Valletta, kif ukoll Birkirkara v Harmun Spartans u Hibernians v Sliema Wanderers 

Barra minn hekk, l-erba’ logħbiet l-oħrajn ukoll hu­ma interessanti minħabba li jirrigwardjaw in-naħa t’isfel tal-klassifika hekk kif 12-il team huwa nvoluti fil-ġlieda għas-salvazzjoni minħabba li bejn it-team li jinsab fit-tielet post, Marsaxlokk, huwa tliet punti biss ‘il bogħod minn dak it-team li jinsabu fil-quċċata taż-żona l-ħamra, Balzan. 

Jidher li Gudja United, Sta Lucia u Sirens, it-tliet timijiet li għamlu d-debutt tagħhom fl-ogħla diviżjoni fl-2019-20, se jitilfu post­hom.

Floriana v Valletta – Bla dubju, din hija l-aqwa partita ta’ kull staġun minħabba r-rivalitá li teżisti bejn iż-żewġ lokalitajiet. 

Filwaqt li Floriana jinsa­bu jaqsmu l-quċċata tal- klassifika flimkien ma’ Hamrun Spartans, Valletta huma fil-bżonn tal-punti u għaldaqstant xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom. 

Iżda minkejja d-diffe­renza ta’ bejniethom fil-klassifika, il-Beltin għandhom il-potenzjal biex joħorġu rebbieħa u jimmiraw li jwaqqfu s-sensiela pożittiva tal-Greens. 

Filwaqt li Floriana ġejjin minn żewġ rebħiet konsekuttivi kontra Sirens (3-0) u Sliema Wanderers (2-0), Valletta ġejjin minn żewġ draws diżappuntanti kontra  Gzira United u Sta Lucia bl-iskor identiku ta’ 1-1. 

Floriana għandhom lid- difensur, Oualid El Hasni, sospiż li se jinħass sew.  

Birkirkara v Hamrun S. – Birkirkara jridu jkunu fl-aqwa forma possibbli biex jegħlbu lil Hamrun Spartans li issa ilhom ma jitilfu għal dawn l-aħħar 23 partita  … bl-aħħar waħda tkun kontra Zebbug Rangers (4-2), nhar is-27 ta’ Novembru tas-sena li għaddiet.

Barra minn hekk, l-Istripes ġejjin minn żewġ tel­fiet identiċi ta’ 2-0 kontra Marsaxlokk u Naxxar Lions biex issa jinsabu fuq iż-żona l-ħamra. 

Min-naħa tagħhom, l-Ispartans qed jieħdu dak li jkunu jridu mingħajr wisq ma jimpressjonaw … fejn fl-aħħar erba’ partiti huma kisbu draw, rebħa, draw u reb­ħa u skorjaw ħames goals biss u sofrew tlieta.

Il-Karkariżi se jkunu msaħħa bir-ritorn taż-żewġ players, Enrico Pepe u Ali Diakite, minn sospensjoni. 

Peró, huma jridu jagħ­rfu kif se jinnewtralizzaw lill-eks attakkant tagħhom, Luke Montebello, li bħalissa jinsab fil-quċċata tal-lista tal-iskorers, flimkien ma’ Kemar Reid ta’ Floriana. 

Hibernians v Sliema W.– Hibernians jiffaċċjaw lil Sliema Wanderers biż-żewġ timijiet jimmiraw li jidħlu fiż-żona Ewropa. 

Iżda l-ironija hija li t-tellief jixħet lilu nnifsu fl-in­kwiet tar-relegazzjoni u għaldaqstant dan huwa konfront fejn iż-żewġ timijiet ma jridux iċedu pulzier għax żball jista’ jkun detrimentali … u huwa miftuħ għal kull riżultat. 

Filwaqt li l-Wanderers ġejjin minn telfa ta’ 2-0 li fiha setgħu ħadu xi ħaġa, Hibernians ġejjin minn rebħa ta’ 2-1 fuq Sirens. 

Iż-żewġ timijiet se jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli u għalhekk wieħed jis­tenna li joffru spettaklu ta’ football.

Balzan v Sirens – Balzan, li qed jiddiżappuntaw wara bidu tajjeb, jilagħbu kontra Sirens li jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika. 

Din titqies bħala partita diretta għall-fatt li jekk Balzan jirbħu, jixħtu lill-Pawlini f‘aktar inkwiet iżda jekk dawn tal-aħħar jiksbu l-ewwel rebħa tal-istaġun, il-Balzanin ikunu f’periklu serju. 

Balzan għandhom lil Momcilo Raso sospiż iżda Ivan Bozovic jirritorna minn sospensjoni filwaqt li Sirens se jkunu bl-aqwa formaz­zjoni possibbli. 

 Sta Lucia v Mosta– Il-Mostin jridu jirkupraw mid-diżappunt tat-telfa ta’ 3-0 kontra Gzira United meta jiltaqgħu kontra Sta Lucia. 

Peró, huma se jinżlu kontra team motivat hekk kif ġej minn draw ta’ 1-1 kontra Valletta bil-goal importanti jasal proprju fil-ħin miżjud. 

Il-Luċjani qed ifittxu l- ewwel rebħa u għaldaqstant jibdew b’vantaġġ psikoloġiku kontra team “ferut”, wara li qabel il-konfront kontra l-Maroons kien it-tieni wieħed li żamm lil Hamrun Spartans, wara Sliema Wanderers. 

Il-Mostin se jkollhom lu­ra minn sospensjoni lil Christian Ndubisi Nnaji filwaqt li Sven Xerri jirritorna għal-Luċjani. 

Naxxar L. v Gudja U. – Jidher li Naxxar Lions qabdu ritmu li qed jidderiġihom lejn iż-żona komda tal-klassifika … ‘il bogħod mill-inkwiet tar-relegazzjoni. 

Wara r-rebħa ta’ 2-0 fuq Birkrikara huma jibdew bħala favoriti li jegħlbu lil Gudja United li għadhom mingħajr rebħa. 

Karl Micallef u Aboue Tou­re huma sospiżi għal Gud­ja. 

Gzira U. v Marsaxlokk – Din hija partita bejn żewġ timijiet li kellhom fortuni differenti fl-aħħar ħarġa.

Filwaqt li Gzira United ġejjin minn rebħa ta’ 3-0 fuq Mosta, Marsaxlokk sofrew telfa minima kontra Hamrun Spartans.

Il-Maroons huma kon­xji li b’rebħa jaqbżu lix- Xlukkarji fil-klassifika li bħal donnha qed issir aktar komplikata u inċerta. 

Iżda b’rebħa dawn tal-aħħar, li għandhom lil Ryan Scicluna sospiż, isaħħu t- tielet post. 

– Cristian Muscat

Ekonomija

Sport