Monday, December 23, 2024

Premier League: Floriana japprofittaw miż-żelqa tal-leaders Hibernians

Aqra wkoll

Il-leaders Hibernians fal­lew żewġ punti oħra fit-tentattiv li jerġgħu jsiru champions wara ħames snin meta fil-15-il programm tal-BOV Premier Lea­gue ġew miżmuma draw għat-tieni logħba wa­ra l-oħra din id-darba minn Mosta.

Anke ċ-champions Hamrun Spartans ġew miżmuma draw biex almenu l-Pawlisti ħadu ftit tan-nifs meta wieħed mill-akbar sfidanti tagħhom falla żewġ punti wkoll biex b’hekk żammew l-istess distakk fuqhom.

Hibernians żammew ir- rekord li għadhom l-uni­ku team mingħajr telfa minkejja li spiċċaw draw 1-1 kontra Mosta wara li fl-ewwel round għelbuhom 3-2. Fl-aħħar ħames logħbiet huma fallew sitt punti meta spiċċaw tlieta minnhom fi draws waqt li ħamsa mis-sitt logħbiet li ntemmu f’paritá kienu ta’ 1-1.

Huma kellhom bidu taj­jeb meta marru fil-vantaġġ wara kwarta logħob minn Ayrton Attard iżda fit-tieni taqsima Mosta kisbu d-draw fil-51 minuta minn Dennis Antwi, li għaż-żewġ players kien l-ewwel goal tagħhom tal-istaġun.

Għal Mosta dan kien is-seba’ riżultat negattiv wa­ra l-ieħor meta minn to­tal ta’ 21 punt ħadu    tliet punti biss u issa jinsabu t-tielet mill-aħħar punt qud­diem Sta Lucia u tmienja fuq Sliema Wanderers.

Floriana kienu nvoluti fil-logħba tal-ġimgħa meta ltaqgħu kontra Birkirkara u għebuhom 1-0 biex b’hekk kisbu r-raba’ rebħa wara l-oħra. Issa l-Greens resqu erba’ punti biss wara Hibernians u erbgħa wkoll iktar minn Hamrun Spartans li għada jirkupraw il-logħba nieqsa kontra Birkirkara.

Il-goal importanti għall- Furjaniżi wasal kmieni wkoll meta Andrei Ciolacu sab ix-xibka avversarja biex waqqaf lill-Istripes mill-mixja pożittiva ta’ erba’ logħbiet li kienu għaddejjin biha.

Għat-tieni logħba konsekuttiva fi spazju ta’ tlett ijiem Balzan ċedew vantaġġ dop­pju meta l-Erbgħa li għadda sfaw megħluba 3-2 minn Birkirkara bil-goals ta’ dawn jaslu fis-86, 92 u 95 minuti wara li kienu 2-0 minn fuq sal-mistrieħ b’doppjetta ta’ Bojan Kaljevic fl-24 u fl-40 minuti li bihom sar l-20 player li daħal fil-Club tal-100 tal-Goals.

Imbagħad nhar is-Sibt l-istorja rrepetiet ruħha għalkemm ma tilfux meta wara li kienu 2-0 minn fuq qabel il-mistrieħ kontra Hamrun Spartans dawn irnexxielhom jieħdu punt meta skorjaw żewġ penalties li ġew minn Faissal El Bakhtaoui, l-ewwel wieħed fit-63 minuta u t-tieni, dak li salvalhom wiċċhom, fid-90 minuta.

Anke l-Ispartans kienu għaddejjin minn sensiela pożittiva ta’ erba’ reb­ħiet wara xulxin, iżda huma qal­għu daqqa ta’ ħarta meta kellhom lid-debuttant di­fensur Steve Borg jisfa mkeċċi ħames minuti wara li kien daħal jilgħab fil-71 minuta.

Gzira United għamluhom tliet logħbiet bla telfa meta spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra Valletta li min-naħa tagħhom waqqfu sensiela ta’ tliet telfiet iżda ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar ħames partiti li fihom skor­jaw żewġ goals u qalgħu sitta u b’hekk ħadu żewġ punti biss minn massimu ta’ 15 għad-dispożizzjoni tagħ­hom.

Il-goals waslu tard fil- partita meta l-ewwel kien Triston Caruana li poġġa lill-Beltin minn fuq fil-81 minuta waqt li żewġ minuti wara  l-Maroons kisbu d-draw minn Maxuell Maia biex tela’ jokkupa l-quċċata tal-lista tal-iskorers b’disa’ goals.

Valletta għamlu taqsima sħiħa bi player inqas meta fis-47 minuta kellhom lill-goalkeeper Alessandro Guarnone mkeċċi għal foul professjonali.

Sirens kisbu double meta għelbu lil Sta Lucia 2-1 biex issa jinsabu fil-ħames post b’ċans tajjeb li wara l-ew­wel fażi jkunu fiċ-Championship Pool, kisba ferm notevoli għal team li għadu qed jistabbilixxi ruħu fl-ogħla diviżjoni tal-football Malti.

Huma sabu ruħhom goal minn taħt wara 27 minuta meta Vito Plut poġġa lis-Saints fil-vantaġġ, li f’dawn l-aħħar ġranet keċċew lill-coach Oliver Spiteri, iżda minuta biss wara kien Vitor Vieira li ppareġġa l-iskor bl-aħħar kelma tkun tal-player Malti, Carlo Zammit Lonardelli li fis-66 minuta ta t-tliet punti lit-team ta’ San Pawl il-Baħar.

Double ieħor ġie mik­sub minn Gudja United li bir-rebħa 1-0 li kisbu fuq Sliema Wanderers huma taw daqqa kbira ‘l isfel lil dawn meta aktar ma jinsew dan l-istaġun malajr aktar ikun aħjar.

Dan minħabba li l-affarijiet xejn ma jidhru taj­bin fil-kamp Slimiż meta għadhom ma kisbu l-ebda rebħa tant li tilfu l-aħħar sitt logħbiet – inkluża t-telfa wara protest minn Valletta – li fihom sabu x-xibka tliet darbiet u sofrew 12-il goal meta t-3-0 fuq il-mejda ma jgħoddux għall-fini tal-klassifika.

Il-goal tar-rebħa Gudjan wasal fit-23 mnuta minn Tensior Gusman bil-Wanderers ikomplu jiġuhom l-affarijiet ħżiena meta eżatt mal-mistrieħ sfaw b’10 players meta kellhom lil Raffaele Schiavi jiġi mkeċċi b’karta ħamra diretta.

F’din il-15-il ġurnata tal-istaġun, it-total ta’ goals niżel għal 13 wara li fl-14-il ġurnata kien ta’ 19-il goal. Dawn il-goals ġew 4 mill-players Maltin u 9 mill-barranin.

Ekonomija

Sport