Thursday, March 28, 2024

Afrikan imsawwat bla ħniena minn żewġ bouncers u barman

Aqra wkoll

… ikkundannati 7 snin u 10 xhur ħabs bejniethom, bil-Qorti tgħid li dawn għandhom jitneħħew mis-soċjetà minħabba s-salvaġiżmu tagħhom

Żewġ bouncers u barman ta’ stabbiliment f’San Pawl il-Baħar ġew ikkundannati seba’ snin u 10 xhur ħabs bejniethom wara li nstabu ħatja li sawtu bla ħniena raġel barrani barra l-istess stabbiliment.

L-irġiel huma Yermakov Mykhailo ta’ 30 sena mill-Ukrajna, Stephan Stankov ta’ 31 sena mill-Bulgarija u Dorde Dudic ta’ 24 sena mis-Serbja, kienu mixlija li weġġgħu gravi raġel Afrikan barra l-istabbiliment ‘Babylon’, u ħebbew għal ieħor, ukoll ta’ nazzjonalità Afrikana.

Mykhailo u Stankov kienu mixlija wkoll li ħadmu bħala membri tas-sigurtà mingħajr ma kellhom liċenzja. L-aggressjoni seħħet nhar is-16 ta’ Frar 2020, għall-ħabta tal-5.00 a.m. fi Triq il-Kavetta, San Pawl il-Baħar. Il-vittmi f’dan il-każ kienu marru l-Għassa tal-Qawra miksija dmija, u allegaw li kienu sfaw aggrediti. 

Fil-Qorti, Temitope Akinribomu Olakunie, wieħed mill-vittmi, kien xehed li dakinhar tal-inċident huwa mar il-‘Babylon Club’ flimkien ma’ sħabu u t-tfajla tiegħu. Qal li f’ħin minnhom, induna li s-sieħba ma kinitx ħdejh u ra barra l-istabbiliment ma’ Dudic li kien qed iżommha minn idha. 

Olakunie kkonfrontah u qallu “għalfejn qed tagħmilli hekk” u Dudic wieġbu “itlaq ‘il barra minn hawn,” b’dan tal-aħħar jimbutta lill-vittma mal-ħajt. Olakunie jkompli jgħid li wara din ir-reazzjoni ta’ Dudic, huwa rritorna fil-bar jilmenta mal-istaff dwar il-mod li bih ġie trattat. 

Huwa qal li ħarġu ‘l barra u ngħaqdu miegħu sħabu għaliex beda jgħajjat. Allega li f’dak il-mument, Stepan ħareġ sikkina żgħira u malli raw dan, sħabu telqu jiġru. Ix-xhud kompla jgħid li Stepan weġġgħu bis-sikkina u Dudic beda jtih fl-istonku. 

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, qalet li dan minnu nnifsu juri li Temitope kien qed jgħid il-verità fuq kif sofra l-ġrieħi. 

Huwa identifika lil Yermakov bħala l-persuna li kien qed iżommu minn għonqu u Stepan bħala l-persuna li beda jtih, l-istess bħal Dudic. Qal li mbagħad huwa spiċċa mal-art. Huwa qal li kien intilef minn sensieh wara li ntlaqat, iżda aktar qabel jiftakar li waddab flixkun tal-inbid biex jiġġildilhom lura billi kien intlaqat bis-sikkina f’rasu. 

Il-Qorti qalet li l-onestà ta’ Temitope tikkuntrasta sew ma’ dik tal-akkużati li għamlu ħin twil jipprovaw juru lilhom nfushom bħala vittmi innoċenti waqt l-inċident, iżda l-filmati tas-sigurtà kienu juru mod ieħor. 

Il-Qorti qalet li l-filmati kienu jikkorraboraw mal-verżjoni ta’ Temitope. “Dudic jidher biċ-ċar jagħti bis-sieq lill-vittma u lest biex ikompli jtih. Stankov kien fuqu waqt li beda jsawtu bla ħniena ta’ xejn. Yermakov ma ddejjaqx ikompli jsawtu wara li tefgħu mal-art,” qalet il-Qorti. “Il-filmat jipprovdi evidenza grafika tal-attakk mwettaq mill-akkużati u l-brutalità tagħhom.” 

Il-Qorti kompliet tgħid li l-akkużati naqsu li jipprovdu l-probabilità li huma kienu qed jaġixxu biex jiddefendu ruħhom jew wara li kienu pprovokati. Temitope rriżultta li ma kien qed jipprovoka lil ħadd.

Qabel safa msawwat għall-aħħar darba, Temitope jidher iżomm mar-railing barra l-club iħares lejn il-mobile tiegħu b’mod li ma kien qed jippreżenta l-ebda theddida għall-imputati.

Meta ġiet biex tagħti l-piena, il-Maġistrat Frendo Dimech ikkunsidrat in-natura serja tal-akkużi b’mod partikolari dik li kkawżaw ġrieħi ta’ natura gravi. “L-intensità u s-salvaġiżmu fis-swat jixhed in-natura xejn soċjali u ċivilazzata tal-akkużati.” 

Il-Maġistrat Frendo Dimech qalet li l-akkużati wrew li ma jafux jikkontrollaw lilhom infushom, u m’għandhomx rispett għal ħaddieħor speċjalment għal dawk li huma dgħajfa. 

“Għalhekk, m’għandhom l-ebda post fil-komunità li hija rregolata minn liġijiet maħsuba biex jipproteġu liċ-ċittadini tagħha mill-periklu li dawn l-individwi joħolqu. Permezz tal-azzjonijiet tagħhom, l-akkużati wrew li huma jikkostitwixxu theddida reali għas-soċjetà. Is-soċjetà m’għandhiex post għal invidwi bħal dawn. Mhux qabel ma juru li huma tassew rijabilitati.”

Il-Qorti tenniet ukoll li hi konxja mill-fatt li l-imġiba tal-akkużati ħalliet mhux biss ferita f’ras il-vittma, iżda ferita li Temitope se jkollu jġorr tul ħajtu kollha, jiġifieri li kien vittma innoċenti ta’ individwi li ma kienx jafhom. 

Qalet li l-akkużati qatt ma kienu wrew rimors għall-azzjonijiet tagħhom u wisq anqas kompassjoni għall-vittma. Qalet li dawn għandhom jitneħħew mis-soċjetà minħabba s-salvaġiżmu tagħhom sakemm tkun żgurata r-rijabilitazzjoni tagħhom. 

Il-Qorti kkundannat lil Stepan Stankov ħames snin u erba’ xhur ħabs, lil Yermakov Mykhailo għal sena ħabs u multa ta’ €2,500 filwaqt li Dorde Dudic kien ikkundannat piena ta’ 18-il xahar ħabs. 

Il-Qorti ordnat ukoll ordni ta’ trazżin kontra l-irġiel u favur il-vittmi għal perjodu ta’ tliet snin. Barra minn hekk, ordnat lil Stankov biex iħallas lil Temitope s-somma ta’ €5,000 bħala kumpens għall-ġrieħi li sofra.

Finalment, il-Qoti ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex ikomplu l-investigazzjonijiet fi sforz biex ikunu identifikati kwalunkwe terzi persuni li jistgħu wkoll ikunu responsabbli għall-ġrieħi li ġarrab Temitope u Henry Onweabuchi. 

Ekonomija

Sport