Hamrun S. ……..0
Hibernians …….2
Minn Cristian Muscat
B’rebħa meritata, Hibernians għelbu lil Hamrun Spartans bl-iskor ta’ 2-0 biex telgħu waħedhom fit-tieni post tal-klassifika.
Min-naħa tal-Ispartans, wara r-rebħa ta’ 6-0 fuq Naxxar Lions, iddiżappuntaw bil-kbir.
Kienu Hamrun li ħolqu l-ewwel periklu, fis-seba’ minuta, meta Luke Montebello għadda lejn l-iżmarkat, Roko Prsa, li bir-ras sabbat il-ballun mal-art u ntemm għoli mil-lasti.
Hibernians wieġbu fit-12-il minuta b’xutt ta’ Alfred Silas mid-distanza li falla l-mira.
Żewġ minuti biss wara, l-Ispartans resqu viċin meta Chris Ondong għadda lejn Luke Montebello li kompla lejn Ryan Camenzuli li minn qagħda angolata ra x-xutt tiegħu jaħbat man-naħa ta’ barra tax-xibka biex ta l-illużjoni tal-goal.
Madankollu, fis-17-il minuta, Hibernians fetħu l-iskor meta minn clearance qasira ta’ Juan Carlos Corbalan, JURGEN DEGABRIELE għamel finta biex qaleb il-ballun fuq siequ l-leminija u minn tarf il-kaxxa dawwar il-ballun lejn ir-rokna tax-xibka biex kien wieħed mill-isbaħ goals s’issa tal-kampjonat.
Iż-żewġ timijiet ma tantx taw spazju lil xulxin biex ir-ritmu naqas u kien lejn il-45 minuta li rajna azzjoni perikoluża meta Montebello xeħet lejn Camenzuli li kellu l-cross-shot tiegħu devjat f’corner.
It-tieni taqsima fetħet b’goal ta’ JURGEN DEGABRIELE li approfitta minn indeċiżjoni bejn Corbalan u Joseph Mbong u b’eleganza kbira qabbeż il-ballun minn fuq il-goalkeeper Ħamruniż, Henry Bonello, li ħareġ minpost biex jimblokka.
Ir-reazzjoni Ħamruniża waslet fis-70 minuta meta l-free-kick ta’ Prsa ġie salvat mill-goalkeeper, Pablo Sanchez.
Fit-77 minuta, assistejna għall-aħħar azzjoni tal-logħba li waslet mill-Ispartans iżda Sanchez salva fuq żewġ tentattivi ta’ Mbong.
HAMRUN S.: 1-Henry Bonello, 5-Sven Xerri, 7-Luke Montebello (3-Mattias Ellul 71), 9-Chris Ondong, 10-Joseph Essien Mbong, 12-Roko Prsa, 14-Elionay Freitas Da Silva (25-Ederson Bruno Domingos 78), 28-Juan Carlos Corbalan (77-Shaisen Attard 71), 33-Mayron, 94-Ryan Camenzuli (17-Wendel Da Silva Barros 59), 99-Raphael Lopes Silva – Coach: Alessandro Zinnari
HIBERNIANS: 1-Pablo Sanchez, 2-Kleiton, 4-Alfred Silas, 5-Kurt Shaw, 8-Rodrigo Fraga, 10-Jurgen Degabriele (17-Isaiah Ckukunyere 64), 11-Bjorn Kristensen (7-Ayrton Attard 79), 20-Federico Falcone (9-Felicio Carvalho 64), 21-Alex Bruno De Souza Silva (29-Giannis Bastianos 88), 44-Pedro Henrique Nunes Silva, 99-Gabriel Higor Fernandes Alves – Coach: Branko Nisevic
REFEREE: Slobodan Petrovic
ASS. REFEREES: Mark Ciantar, Vasil Vasilev
RABA’ UFF: Daniel Portelli
SKORER: J. Degabriele 17, 49 (H)
AMMONITI: G. H. Fernandes Alves, A. B. De Souza Silva, G. Bastianos (H); E. B. Domingos (HS)