Friday, July 26, 2024

Premier League Ingliż: Aston Villa v Man Utd tisraq l-attenzjoni

Aqra wkoll

Fl-24 programm tal-Premier League Ingliż il- leaders, Liverpool, u t-team ta’ warajhom, Manchester City, jidhru li għandhom joħorġu bit-tliet punti meta jiltaqgħu kontra Burnley u Everton rispettivament f’darhom.

Iżda ż-żewġ timijiet ta’ warajhom, Arsenal u Aston Villa, għandhom konfronti ‘jaħarqu’ fejn il-Gunners imor­ru għand West Ham u l-Villa jilqgħu lil Manchester United f’Villa Park.

Liverpool, minkejja li għadhom ixxukkjati wara t- tħabbira mill-manager, Jurgen Klopp, li qal li se jirtira mill-kariga fi tmiem l-ista­ġun, ma jidhrux li jistgħu jkollhom problemi meta jkunu f’Anfield kontra Burnley li jidhru destinati li se jitilfu posthom mal-kbar.

Ir-Reds għad għandhom players barra għax imweġġa’ waqt li t-telfa tal-Ħadd li għadda kontra Arsenal tista’ xellfitilhom xi ftit il-moral. Iżda bi Klopp għadu fil-kariga l-players jafu jirkupraw wara li ilhom ġimgħa jippreparaw għal kontra l-Cla­rets.

Iċ-champions Manchester City se jiftħu l-programm bil-logħba waqt il-ħin tal-ikel kontra Everton li jinsabu t-tielet mill-aħħar meta ġejjin minn żewġ draws u tliet telfiet.

Fl-aħħar żewġ logħbiet is-City laqgħu lura lill-iskorer prolifiku Erling Haaland u għalkemm ma skorjax huma xorta għandhom oħrajn li jafu jsibu x-xibka bħal m’għamel Phil Foden li skorja hat-trick kontra Brentford wara li kienu sabu ruħhom goal minn taħt.

Wara r-rebħa 3-1 ta’ ġim­għa ilu kontra Liverpool fl-Emirates Stadium, Arsenal reġgħu daħlu fit-taqtiegħa għar-rebħ tat-titlu tant li jinsabu lura żewġ punti biss mir-Reds. 

Għada huma se jkunu nvoluti fid-derby ta’ Londra kontra West Ham fil-London Stadium f’logħba li jridu joqogħdu attenti għax il-Hammers jagħtu logħba diffiċli meta jkunu qed jilagħbu f’darhom. 

Il-Gunners ġejjin minn żewġ telfiet u tliet rebħiet bil-Hammers jieħdu rebħa u tliet draws mill-aħħar ħames ħarġiet. Iż-żewġ timijiet ma jaffordjawx telf ta’ punti.

Aston Villa, li jinsabu fir- raba’ post,  żewġ punti fuq Tottenham, se jilqgħu lil Manchester United li jinsabu tmien punti warajhom, ġejjin minn telfa ta’ ħsara wara li Chelsea eliminawhom mill-FA Cup b’rebħa ta’ 3-1 f’Villa Park.

Issa wieħed irid jara x’effett se jagħmel fuqhom il- manager Unai Emery biex hu­ma jerġgħu jaqbdu t-triq tar-rebħ. Fl-aħħar ħames partiti huma ħadu seba’ punti waqt li l-United rebħu 10. 

Logħba kumbattuta għan­dha tkun dik li fiha Tottenham se jkunu f’darhom kontra Brighton meta ż-żewġ naħat kisbu seba’punti kull wieħed mill-aħħar 12.

Spurs lagħbu mingħajr l-istilla Koreana, Son Heung -min, f’dan l-aħħar xahar meta kien fuq dmir internazzjonali ma’ pajjiżu fit-Tazza Asjatika iżda rritorna kmieni wara li sfaw eliminati fil- kwarti-finali. Huma qed igaw­du disa’ punti vantaġġ fuq is-Seagulls ta’ Roberto De Zerbi.

Fulham se jkunu f’darhom, Craven Cottage, biex jilqgħu lil Bournemouth li qed igawdu punt vantaġġ fuqhom meta t-tnejn jinsabu ftit ‘il fuq miż-żona l-ħamra.

Anke dawn iż-żewġ timijiet ġejjin minn rekord simili fl-aħħar ħames logħbiet: reb­ħa u żewġ draws kull wie­ħed.

Wolves u Brentford se jiltaqgħu għar-raba’ darba dan l-istaġun, tnejn fil-kampjonat u tnejn fl-FA Cup. U meta se jiltaqgħu f’Moli­neux, Wolves jistgħu jagħ­m­luhom erba’ rebħiet bla telfa kontra l-Bees.

Huma ġejjin mir-rebħa stupenda ta’ 4-2 fuq Chelsea fi Stamford Bridge biex b’hekk għamlu double fuqhom u anke telgħu fl-ewwel nofs tal-klassifika. Min-naħa tat-team ta’ Thomas Frank, huma ġejjin mit-telfa 3-1 kontra s-City f’darhom stess.

Logħba bejn żewġ timijiet mhedda bir-relegazzjoni hija dik li se ssir f’Kenilworth Road li fiha Luton Town se jospitaw lit-team tal-qiegħ, Shefffield United, li ġejjin minn draw biss fl-aħħar ħames logħbiet.

Min-naħa tal-Hatters, hu­ma l-aktar team li rebaħ punti – 8 – mill-aħħar disa’ timijiet.

Il-logħba ta’ waqt il-ħin tat-te li tagħlaq il-programm tal-lum, tara lil Nottingham Forest jeħduha kontra Newcastle United fis-City Ground b’dawn tal-aħħar qed iħossu l-players imweġġgħin tant li dan qed juruh fir-riżultati meta ġejjin minn rebħa u draw fl-aħħar ħames logħ­biet, bid-draw ikun dak 4-4 f’darhom kontra Luton.

Il-Forest ħadu seba’ punti mill-aħħar 12 għad-dispo­żizzjoni tagħhom għalkemm iridu joqogħdu attenti mill- pożizzjoni li jinsabu fiha meta għandhom żewġ punti biss aħjar mit-tielet team mill-aħħar. Huma ġejjin mir- rebħa wara l-għoti tal-penalties kontra Bristol City fir-rep­lay tar-raba’ round tal-FA Cup.

Il-logħba li tagħlaq il-programm hija dik tat-Tnejn li hija d-derby  ta’ Londra bejn Crystal Palace u Chelsea b’dawn jinsabu trankwilli fil-11-il post waqt li l-Palace jinsabu ħames punti bogħod miż-żona l-ħamra.

Chelsea ġejjin mir-rebħa 3-1 kontra Aston Villa fl-FA Cup u b’hekk għollew xi ftit il-moral wara l-umiljazzjoni kontra Wolves.

Ekonomija

Sport