Saturday, December 14, 2024

Premier League Ingliż: Jispikka derby ta’ Manchester

Aqra wkoll

Id-derby ta’ Manchester bejn is-City u l-United jieħu prijoritá meta fi tmiem il-ġimgħa se jintlagħab is-27 programm mill-Premier League Ingliż.

Il-leaders Liverpool ma jaffordjawx ifallu xi punti bit-tielet team mill-quċċata, Arsenal, jidhru b’ċans tajjeb li japprofittaw f’każ ta’ xi żelqa miż-żewġ timijiet ta’ fuqhom.

Il-logħba fl-Etihad ma setgħetx tiġi fi żmien aħjar meta l-attakkant tas-City, Erling Haaland, jidher li sab il-forma tal-goals wara li nhar it-Tlieta skorja ħames goals kontra Luton Town fil-ħames round tal-FA Cup, u għalhekk id-difiża tal-United trid toqgħod b’seba’ għajnejn għax in-Norveġiż malajr jikkastigak.

Barra minn hekk, is-City  għandhom lura lill-playmaker Kevin De Bruyne li jaf isib lil Haaland f’pożiz­zjoni li dan ma jkunx jista’ ifalli milli jsib ix-xibka.

Min-naħa tar-Red Devils, dawn għadhom mingħajr l-attakkant Daniż, Rasmus Hojlund, li jinsab imweġġa’ wara li kien qabad jiskorja bl-amment tant li fil-kampjonat ġejjin minn telfa ta’ 2-1 f’darhom kontra Fulham u nhar l-Erbgħa kellu jkun goal fl-aħħar minuta minn Casemiro li rahom jaqtgħu l-passaġġ għall-kwarti-finali tal-FA Cup.

Jekk is-City iridu l-punti biex ikomplu jisfidaw għat- titlu, il-United iridu rebħa biex jersqu lejn Aston Villa hekk kif bħalissa jinsabu tmien punti warajhom.

Liverpool, li ġejjin minn żewġ rebħiet ferm importanti b’team mimli żgħażagħ, ma jaffordjawx ifallu punti meta jinsabu wieħed fuq is-City u tnejn fuq Arsenal.

Huma se jiltaqgħu kontra Nottingham Forest fis-City Ground meta dawn jinsabu r-raba’ mill-aħħar erba’ punti biss fuq Luton li jinsabu fiż-żona l-ħamra.

Arsenal se jkunu nvoluti fl-aħħar logħba tal-programm it-Tnejn filgħaxija meta jmorru fi Bramall Lane fejn jiffaċċjaw lil Sheffield United li jidhru destinati li se jirritornaw fiċ-Championship.

Il-Gunners qed jiftħu l-kanuni kollha waqt li d-difiża, li fiha qed jispikka l-player Franċiż b’kunjom Malti, William Saliba, meta hu u sħabu sofrew l-inqas goals f’26 logħba – 23. B’riżultat ta’ dawn l-ingredjenti huma l-uniku team li rebaħ l-aħħar ħames logħ­biet li lagħab.

Brentford u Chelsea se jkunu nvoluti f’derby ta’ Londra b’dawn tal-aħħar salvaw xi ftit l-istaġun meta għelbu lil Leeds United 3-2 fl-FA Cup.

Iżda l-logħba tal-lum hija propożizzjoni oħra bil-Bees iddisprati għall-punti meta jinsabu qrib ir-relegazzjoni meta mill-aħħar ħames logħbiet ħadu rebħa biss u l-Blues ħadu żewġ rebħiet, draw u żewġ telfiet.

Wolves, li rebħu wkoll fl-FA Cup kontra Brighton u li llum qed jfakkru l-50 anniversarju bil-ġurnata mill-ewwel League Cup li rebħu kontra Manchester City fl-1974, se jmorru għand Newcastle, f’logħba li ġeneralment tintemm fi draw tant li mill-aħħar 11-il konfront sitta spiċċaw fi draws ta’ 1-1 u l-aħħar waħda 2-2.

Meta Mattheus Cunha jin­sab barra b’uġigħ fil-hamstring, huma jistgħu jkunu mingħajr il-Korean, Hwang Hee-chan, għall-istess raġu­ni.

Aston Villa, li jinsabu fir-raba’ post, se jmorru għand Luton f’logħba bejn ta’ fuq u ta’ taħt bit-team ta’ Unai Emery irid jissiġilla post fiċ-Champions League.

Il-Villa għandhom munizzjoni biżżejjed biex jik­sbu t-tliet punti meta jridu joqogħdu attenti biex iżommu lil Manchester United u lil Tottenham ‘il bogħod minnhom.

L-attakkanti Ollie Watkins u Leon Bailey kif ukoll il-midfielder offensiv, Douglas Luiz, jafu jsibu l-lasti avversarji waqt li l-Hatters qalgħu taptipa fl-FA Cup kontra Manchester City li għelbuhom 6-2 f’darhom.

Logħba bejn ta’ fuq u ta’ taħt tlaqqa’ lil Everton u West Ham bit-Toffeemen, li ħadu nifs kbir meta l-ġimgħa l-oħra ngħataw erba’ punti lura mill-10 ta’ penalitá min­ħabba li kisru r-Regola tas- Sostenibbiltá u Profitt.

Huma ġejjin minn erba’ draws mill-aħħar ħames logħbiet waqt li l-Hammers kellhom rebħa tajba ta’ 4-2 fuq Brentford.

Fulham u Brighton hija logħba bejn żewġ timijiet trankwilli fil-klassifika fejn il-Cottagers ġejjin minn reb­ħa mill-aqwa ta’ 2-1 kontra Manchester United f’Old Trafford waqt li s-Seagulls, li jinsabu fis-seba’ post, ġejjin minn telfa 1-0 fl-FA Cup kontra Wolves.

Il-logħba l-oħra fil-programm se tintlagħab għada bejn iż-żewġ Bs, Burnley u Bournemouth, b’dawn tal-aħħar f’pożizzjoni trankwilla … tmien punti fuq iż-żona l-ħamra waqt li l-Clarets jidhru destinati li jmorru minn fejn ġew meta jinsabu distakkati bi 11-il-piunt mill-avversarji tagħhom.

Ekonomija

Sport