Wednesday, July 24, 2024

Kampjonat Premier: Hamrun S. jixħtu lil Valletta f’aktar inkwiet?

Aqra wkoll

Bejn illum u għada tintlagħab id-19-il ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier hekk kif qed jiżvolġi f’sitwazzjonijiet ferm inte­ressanti kemm fin-naħa ta’ fuq kif ukoll fin-naħa t’isfel. 

L-aqwa konfront ta’ dan il-programm huwa dak bejn il-leaders Hamrun Spartans u Valletta li jinsabu fiż-żona tar-relegazzjoni. 

Fis-snin 80, dan il-konfront kien iqajjem interess qawwi minħabba r-rivalitá li kienet teżisti bejn dawn iż-żewġ timijiet kif ukoll għax kienu jiddominaw ix- xena. 

Illum, 40 sena wara, l-affarijiet huma kompletament differenti. Dan minħabba li filwaqt li l-Ħamruniżi huma t-team li kulħadd irid jirbaħ minħabba l-qawwa li jippossjiedu fl-iskwadra tagħhom, il-Beltin jinsabu fil-periklu tar-relegazzjoni. 

Għaldaqstant, illum l-ebda team m’hu se jċedi pul­zier għall-objettivi rispettivi tagħhom.

Floriana jiltaqgħu kontra t-team ta’ qiegħ il-klassifika u filwaqt li jittamaw għal żelqa Ħamruniża, fuq il-karta jibdew bħala favori­ti kontra team li d-destin tiegħu huwa prattikament magħruf.

Sliema Wanderers jiffaċ­ċjaw lill-ġirien Gzira Uni­ted li ġejjin minn sensiela pożittiva fit-tentattiv li jsalvaw posthom fl-ogħla diviżjoni.

Marsaxlokk għandhom os­­taklu mill-aktar diffiċli me­­ta jiltaqgħu kontra Mos­ta li huma mdendlin fit-taqtiegħa tar-relegazzjoni.

Fl-istess sitwazzjoni jin­sabu Balzan u Naxxar Lions u għal­daqstant jimmiraw li jiksbu t-tliet punti kontra l-ġirien Birkirkara u Hibernians rispettivament li qed jisfidaw għar-raba’ pożizzjo­ni.  

Finalment, Sta Lucia jiffaċċjaw lil Sirens f’partita li ma jistgħux ifallu. 

Hamrun S. v Valletta – Bla dubju, dan il-konfront huwa l-aktar wieħed attraenti. 

Hamrun Spartans jimmi­raw li jirritornaw għar-rebħ hekk kif ġejjin minn draw ta’ mingħajr goals kontra Sliema Wanderers biex ġiet fi tmiem sensiela ta’ tmien rebħiet konsekuttiva. 

B’dan id-draw, Floria­na reġgħu daħlu fl-isfi­da għar-rebħ tat-titlu u għal­daqstant xejn għajr minn reb­ħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom. 

Min-naħa tagħhom, Valletta ma jistgħux joħorġu b’idejhom vojta għax jekk Balzan, Naxxar Lions u Sta Lucia, joħorġu rebbieħa, id-distakk jikber għal sitt punti bil-konsegwenza li jinqabdu staġanti fiż-żona l-ħamra meta jkun fadal seba’ partiti għat-tmiem. 

Huma se jkunu taħt il-coach il-ġdid, Juan Cruz Gill, wara r-riżenja ta’ Vincenzo Potenza. 

Barra minn hekk huma jridu jdawru l-istrateġija tagħ­hom minħabba li ġejjin minn tliet telfiet infila li fi­hom ma skorjawx goal.

Valletta għandhom lil Victor Luis Filho sospiż iżda jirritorna Enzo Ruiz.

Fl-ewwel round Hamrun rebħu bl-iskor ta’ 2-1. 

Floriana v Gudja U. – Floriana jibdew favoriti kontra team li huwa destinat li fl-istaġun li ġej se jilgħab fiċ- Challenge League. 

Il-Gudjani huma l-uniku team li għadu ma kiseb l-ebda rebħa. 

Peró, il-Greens iridu juru rispett massimu lejn l-avversarji minħabba li fl-ew­wel round spiċċaw fi draw ta’ 1-1 … biex fallew żewġ punti importanti fl-isfida tagħhom għar-rebħ tat-titlu. 

Floriana se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Oualid El Has­ni u Maksim Valadzko li ġejjin minn sospensjoni. 

Sliema W. v Gzira U. – Wara li rreġistraw tliet reb­ħiet konsekuttivi, il-moral ta’ Gzira United jinsab għoli ferm fit-tama li jsalva post­hom fl-ogħla diviżjoni.

Madankollu huma se jaffrontaw wieħed mill-aktar ti­mijiet konsistenti s’issa f’dan l-istaġun.

Sliema Wanderers huma l-uniku team li Hamrun Spartans ma rnexxilhomx jegħlbu hekk kif iż-żewġ partiti spiċċaw fi draw. 

Kemm Gzira kif ukoll Sliema għandhom player sospiż – Zachary Scerri għall-Maroons u Joseph Minala għall-Blues. 

Iżda jirritornaw Marcelo Dias u Joachim Adukor rispettivament minn sospensjoni.

Fl-ewwel round Sliema rebħu bl-iskor ta’ 1-0. 

Marsaxlokk v Mosta – Dan huwa konfront mill-aktar interessanti fejn rebħa hija prioritá għaż-żewġ ti­mi­jiet … Marsaxlokk fl-isfida għar-raba’ post u Mosta biex jevitaw ir-relegazzjoni. 

Kull team għandu player sospiż – Nikolai Muscat għal Marsaxlokk u Damien Ameni għal Mosta filwaqt li Leandro Aguirre jirritorna għax-Xlukkajri minn sospensjoni. 

Fl-ewwel round Mosta għelbu lil Marsaxlokk 3-2.

Birkirkara v Balzan – Dan il-konfront għandu jkun wieħed bilanċjat li jista’ jmur kull naħa minkejja d- differenza fil-pożizzjonijiet.

Għal Birkirkara jirritorna Kurt Zammit minn sospensjoni.

Fl-ewwel round il-Karkariżi ħarġu rebbieħa 3-0.

Hibernians v Naxxar L.– Wara li fl-ewwel round, iż-żewġ timijiet temmew fi draw ta’ mingħajr goals, issa huma għatxana għal rebħa hekk kif Hibernians qed jisfidaw għar-raba’ post filwaqt li Naxxar Lions jistgħu jinqabdu fiż-żona l-ħamra. 

Għal-Lions jirritorna Joao Vitor Moura Cardoso minn sospensjoni.

Sta Lucia v Sirens – Dan huwa test ieħor għal Sta Lucia meta jilagħbu kontra Sirens. 

Filwaqt li l-Pawlini huma kostretti li jitlifu posthom fil-Premier wara erba’ snin, il-Luċjani ttrasformaw lilhom infushom hekk kif ġejjin minn tliet reb­ħiet wara xulxin biex ħarġu miż-żona tal-periklu. 

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet temmew 0-0.

Ekonomija

Sport