Fil-Premier League Ingliż, Liverpool naqsu li jitilgħu fit-tieni post tal-klassifika meta marru għand Luton Town u setgħu biss jispiċċaw fi draw ta’ 1-1.
Minkejja li r-Reds iddominaw il-pussess tal-ballun, kienu Luton li fetħu l-iskor minn kontrattakk permezz ta’ Tahith Chong (80) iżda Luis Diaz (93) salva l-ġurnata għat-team immexxi mill-manager Jurgen Klopp.
Wara li laqat il-mimduda, l-attakkat Urugwajan, Darwin Nunez, kien ħati li f’nofs it-tieni taqsima falla ċans tad-deheb meta minn metru bogħod u b’lasti vojta għamel l-impossibbli meta minflok xeħet il-ballun fix-xibka għollieh għal fuq l-istands!!
Din l-azzjoni rrabjat lil Klopp, tant li ħareġ minn postu jinkorla mal-attakkant Urugwajan.
Nottm F. v Aston Villa – Nottingham Forest issorprendew lil Aston Villa meta għelbuhom bl-iskor ta’ 2-0 bil-goals jaslu wieħed f’kull taqsima.
B’din ir-rebħa, il-Forest inqalgħu min-naħa t’isfel tal-klassifika u ħadu nifs ġdid fil-ġlieda tagħhom għas-salvazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-Villans ħadu skoss qawwi biex ikomplu jisfidaw għal post fil-UEFA Champions League.
Il-goals waslu minn Ola Aina (5) u Orel Mangala (47).