Saturday, December 21, 2024

Premier League Ingliż: Man City favoriti għand Norwich City

Aqra wkoll

Il-logħob tal-Premier Lea­gue jkompli fi tmiem din l-ġimgħa bil-leaders Manchester City m’għandhomx ma jkomplux għaddejjin bis-sensiela pożittiva meta jiltaqgħu kontra Norwich City waqt li t-team fit-tieni post, Liverpool, ikunu barra minn darhom ukoll kontra Burnley.

Man U. v Southampton – Il-United se jilqgħu lil Southampton f’Old Trafford meta ż-żewġ timijiet għandhom rekord simili fl-aħħar ħames logħbiet jiġifieri żewġ rebħiet, żewġ draws u telfa għalkemm mhux fl-is­tess sekwenza. Huma jinsabu mifrudin bi 11-il punt favur il-United iżda kollox jista’ jiġri bħal ma ġara nhar l-Erbgħa meta s-Saints għelbu lil Tottenham 3-2 away wara li kienu darbtejn minn taħt waqt li r-Red Devils ġew miżmuma draw mit-team tal-qiegħ, Burnley.

Brentford v C. Palace – Wara bidu inkoraġġanti fir- ritorn tagħhom mal-kbar wa­ra 74 sena, il-Bees naqqsu ħafna u jekk ma joqogħdux attenti jistgħu jsibu ruħhom fl-inkwiet. Huma se jilqgħu lil Crystal Palace li fl-aħħar ħames logħbiet ir-rekord tagħ­hom hija simili bħaż-żewġ timijiet tal-logħba ta’ qabel waqt li t-team ta’ Thomas Frank tilef l-aħħar ħames logħbiet.

Everton v Leeds U. – Wara l-ewforija tal-ewwel rebħa taħt il-manager ġdid Frank Lampard, Everton jistgħu se jiltaqgħu ma’ logħba oħra taż-żlieq tal-banana meta l-avversarji tagħ­hom f’Goodison Park se jkunu Leeds United li ġejjin minn draw 3-3 kontra Aston Villa wara li kienu sabu ruħhom 3-1 minn taħt.

Watford v Brighton – It-team ta’ qabel tal-aħħar fil-klassifika, Watford, se jkunu f’Vicarge Road kontra Brighton li min-naħa tagħ­hom jinsabu fid-disa’ post. Il-Hornets ħadu żewġ draws biss mill-aħħar ħa­mes logħbiet iżda s-Seagulls ħadu erba’ draws u rebħa.

Norwich v Man C. – Norwich qed juru determinaz­zjoni fil-logħob tagħhom meta qed jitqabdu kontra r-relegazzjoni. Iżda llum se jiffaċċjaw konfront diffiċli meta se jiltaqgħu kontra l-leaders Manchester City li qed jillidjaw il-klassifika b’disa’ punti fuq Liverpool b’dawn jilagħbu partita inqas minnhom. Fl-aħħar ħa­mes logħbiet is-City rebħu 13-il punt u l-Canaries sebgħa.

Huma jinsabu t-tielet mill-aħħar fejn fl-aħħar kon­front ġew draw 1-1 kontra Crystal Palace meta skorjaw bil-partitarji lanqas kie­nu għadhom poġġew bil-qegħda li Teemu Pukki ma skorjax fl-ewwel minuta. Iżda wara li l-Palace kisbu d-draw huma salvaw wiċċhom meta Wilfried Zaha falla penalty għall-Eagles.

Burnley v Liverpool – It-team fit-tieni post, Liverpool, se jmur għand dak fl-aħħar post tal-klassifika, Burnley, li għadhom ġejjin minn draw kontra Manchester United. Minkejja li bdew mingħajr Mohamed Salah u Sadio Mane, ir-Reds għandhom lil Diogo Jota jagħ­mel tajjeb għalihom tant li nhar il-Ħamis skorja l-goals li bihom għelbu lil Leicester City 2-0.

Newcastle v Aston Villa – Qed jidher li Newcastle jistgħu jsalvaw milli jiġu relegati wara li nhar l-Erbgħa kisbu rebħa tajba ta’ 3-1 fuq Everton bil-konsegwenza li nqalgħu mill-aħħar   tliet postijiet. Dan qed iseħħ mindu Eddie Howe ġie maħ­tur manager f’St James Park bl-avversarji Aston Villa jinsabu disa’ punti aħjar minnhom għalkemm id-distakk seta’ kien ikbar li kieku ma kkrollawx u tilfu vantaġġ ta’ 3-1 kontra Leeds bil-logħba tintemm fi draw ta’ 3-3.

Tottenham v Wolves – Wara li tilfu 1-0 kontra Arsenal nhar il-Ħamis, Wolves se jilagħbu kontra l-ġirien tagħhom mit-Tramuntana ta’ Londra, Tottenham, li ġejjin minn żewġ telfiet, b’dawn tal-aħħar jiġu megħ­luba 3-2 minn Southampton fit-Tottenham Stadium fejn se jerġgħu jilagħbu għada.

Leicester v West Ham – Dan l-istaġun nistgħu ngħi­du li ż-żewġ timijiet dawru l-pożizzjoni tagħhom meta f’dawn l-aħħar ftit staġuni kienu l-Foxes li kienu jisfidaw lit-timijiet il-kbar tant li anke daħlu fiċ-Cham­pions League minn fuqhom. Min-naħa ta’ West Ham, li jinsabu fir-raba’ post, iridu joqogħdu attenti għax Arsenal, Manchester United u Tottenham lagħbu logħbiet  inqas minnhom.

Ekonomija

Sport