Friday, December 27, 2024

Premier League Ingliż: Man City f’logħba diffiċli kontra Chelsea

Aqra wkoll

Fi tmiem il-ġimgħa, eżattament mil-lum sa nhar it-Tnejn, se jintlagħab il-25 programm tal-Premier Lea­gue Ingliż fejn mill-ewwel seba’ timijiet huma Manchester City bl-iktar konfront diffiċli meta se jiltaq­għu kontra Chelsea għal­kemm dawn mhumiex konsistenti fir-rebħ tal-punti.

Is-sitt timijiet l-oħra fil-viċinanza tagħhom jidhru li għandhom logħbiet li jistgħu jkunu faċli iżda fl-istess waqt delikati kif ukoll b’possibbiltá ta’ xi sorpriża.

Iċ-champions se jkunu fl-Etihad Stadium kontra Chelsea meta ġejjin minn reb­ħa tajba ta’ 3-1 kontra FC Copenhagen fiċ-Champions League. Huma jistgħu jkol­lhom barra lil Bernardo Silva u Jack Grealish li weġġgħu fil-logħba kontra FC Copenhagen.

Min-naħa tal-Blues huma ġejjin minn rebħa 3-1 kontra Crystal Palace fejn kien Conor Gallagher, li fl-istaġun li għadda kien misluf lill- Eagles, li skorja tnejn mill-goals.

Il-programm jibda kmieni wara nofsinhar meta l-leaders Liverpool jiltaqgħu kontra Brentford għand dawn tal-aħħar li minkejja li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika kapaċi jagħtu logħba lil kulħadd.

Għad irridu naraw jekk ir-Reds humiex se jirkupraw xi player imweġġa’, iżda bit-team li se jinżel bih Jurgen Klopp xorta kapaċi jirbħu t-tliet punti għalkemm forsi bi ftit tbatija.

It-team fit-tielet post, Arsenal, li ġejjin minn erba’ reb­ħiet wara telfa fl-aħħar ħames logħbiet, se jmorru f’Turf Moor kontra t-team ta’ qabel l-aħħar fil-klassifika, Burnley, li fl-istess numru ta’ logħbiet ħadu żewġ punti biss.

It-team fil-ħames post, Aston Villa, bħalissa jinsabu feruti wara żewġ telfiet infila f’darhom, l-ewwel kontra Chelsea fl-FA Cup u l-Ħadd kontra Manchester United. Huma se jmorru fi Craven Cottage biex jiffaċċjaw lil Fulham f’logħba li mhux se tkun faċli għalihom.

Il-Cottages jafu joħorġu b’logħba mill-aqwa meta jinsabu kważi moħħhom mistrieħ mir-relegazzjoni.

Newcastle se jkun f’St James Park kontra Bournemouth, li anke huma jidhru xi ftit jew wisq fl-inkwiet tar-relegazzjoni minkejja li fl-aħħar ħames logħbiet ma kisbux rebħa.

Il-Magpies jinsabu fis-seba’ post daqsxejn maqtugħin minn post fiċ-Champions League għalkemm dan kien kaġun tal-players importanti li għandhom imweġġa’.

Logħba bejn żewġ timijiet li ma tantx sejrin tajjeb hija dik fis-City Ground bejn Nottingham Forest u West Ham meta fl-aħħar ħames ħarġiet il-Forest ħadu erba’ punti u l-Hammers tlieta.

Fit-Tottenham Stadium se jkun hemm il-konfront bejn Tottenham u Wolves meta jinsabu fir-raba’ u fil-11-il post rispettivament bi Spurs ħadu 11-il punt mill-aħħar ħames konfronti u Wolves sebgħa. Dawn se jkunu mingħajr il-Brażiljan Matheus Cunha li weġġa’ l-hamstring kontra Brentford.

Għada se jintlagħbu żewġ logħbiet fejn fl-ewwel waħda t-team tal-qiegħ, Sheffield United, ikunu fi Bramall Lane kontra Brighton li jinsabu fid-disa’ post.

Il-Blades, li ġejjin minn rebħa 3-1 għand Luton, jid­hru rassenjati li jitilfu post­hom mal-kbar waqt li s-Seagulls qed jippruvaw jerġgħu jkunu f’kompetizzjoni Ewropea għalkemm bħalissa jinsabu barra għal kollox.

Luton Town, li se jilqgħu lil Manchester United f’Kenilworth Road, jidhru li se jkunu nvoluti f’logħba diffiċli, iżda huma qed iqumu għall-okkażjoni kontra avversarji li fuq il-karta huma superjuri għalihom.

Il-United ġejjin minn draw u tliet rebħiet, l-aħħar waħda kontra Aston Villa barra minn darhom. Huma qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jikkwalifikaw għaċ- Champions League u bħal­issa jinsabu sitt punti biss bogħod mill-objettiv tagħ­hom.

Fl-aħħar logħba li se ssir nhar it-Tnejn, Everton, li jinsabu t-tielet mill-aħħar, jilqgħu lil Crystal Palace li għandhom ħames punti iktar minnhom. 

Għalhekk rebħa għat-Toffeemen taf tressaq lit-team ta’ Roy Hodgson, li fost il-ġimgħa ttieħed l-isptar, viċin ir-relegazzjoni.

Ekonomija

Sport