Meta ntlagħbet it-tieni ġurnata tal-Premier League Ingliż, huma Manchester City u Arsenal biss li għandhom punti massimi hekk kif għelbu li Bournemouth 4-0 u lil Leicester City 4-2 rispettivament.
Arsenal v Leicester – Arsenal irreġistraw it-tieni rebħa minn daqstant logħbiet meta f’partita mill-isbaħ għelbu lil Leicester bl-iskor ta’ 4-2.
Il-protagonista tal-Gunners kien Gabriel Jesus (23, 35) li skorja doppjetta bil-goals l-oħra jaslu minn Granit Xhaka (55) u Gabriel Martinelli (75) filwaqt li auto-goal ta’ William Saliba (53) u James Maddison (74) wieġbu għall-Foxes.
Man City v Bournemouth – Iċ-champions Manchester City warrbu għal kollox l-isfida ta’ Bournemouth u rebħulhom bl-iskor ta’ 4-0 b’wirja brillanti fl-ewwel taqsima.
Huma daħlu jistrieħu fil-vantaġġ ta’ tliet goals minn Ilkay Gundogan (19), Kevin de Bruyne (31) u Phil Foden (37).
Fit-tieni taqsima huma naqqsu r-ritmu u skorjaw goal ieħor li wasal minn auto-goal ta’ Jefferson Lerma (79).
Aston Villa v Everton – Aston Villa rreġistraw l-ewwel rebħa meta laqgħu lil Everton u għelbuhom bl-iskor ta’ 2-1.
Kien Danny Ings (31) li fetaħ l-iskor għall-Villans filwaqt li Eimiliano Buendia (86) serraħ ras il-partitarji minkejja li minuta wara t-Toffees naqqsu l- marġni tal-iskor minn auto-goal tal-ex player tagħhom, Lucas Digne (87).
Brighton v Newcastle – Partita bejn żewġ timijiet li kienu ġejjin minn rebħa, Brighton u Newcastle spiċċaw fi draw ta’ mingħajr goals.
Southampton v Leeds – Leeds United fallew vantaġġ ta’ żewġ goals biex kellhom jikkuntentaw fi draw ta’ 2-2 għand Southampton.
Kien Rodrigo Moreno (46, 60) li fetaħ vantaġġ doppju iżda Joe Aribo (72) u Kyle Walker-Peters (81) salvaw ir-riżultat għas-Saints.
Wolves v Fulham – Wolves u Fulham temmew fi draw ta’ mingħajr goals.
Iżda l-Cottagers fallew iċ-ċans li joħorġu bit-tliet punti meta fl-aħħar 10 minuti, Aleksandar Mitrovic ra l-penalty tiegħu jiġi salvat mill-goalkeeper, Jose Sa, wara li Rayan Ait-Nouri waqqa’ lil Bobby Decordova-Reid fil-kaxxa.