Meta fi tmiem il-ġimgħa tintlagħab is-27 ġurnata tal-Premier League Ingliż, għalkemm sitt timijiet biss se jkunu lagħbuhom, il-leaders Arsenal u t-team ta’ warajhom, Manchester City, se jkun qed jilagħbu barra minn darhom f’logħbiet li jistgħu jiġu meqjusa bħala skabrużi.
Il-ġimgħa l-oħra kien hemm bosta logħbiet li jirrigwardjaw ir-relegazzjoni, iżda din il-ġimgħa m’hemmx konfront wieħed bejn timijiet involuti biex b’hekk il-logħbiet se jkunu iktar diffiċli għalihom.
Arsenal se jmorru fi Craven Cottage għada wara nofsinhar fejn ikunu nvoluti fid-derby ta’ Londra kontra Fulham. Is-Sibt li għadda huma għelbu lil Bournemouth 3-2 b’goal fit-98 minuta wara li kienu żewġ goals minn taħt u l-Ħamis marru l-Portugal u ġew draw 2-2 kontra Sporting Lisbon.
Fulham qed ikollhom staġun mill-aqwa wara li rritornaw mal-kbar wara sena fejn qed jagħtu logħba diffiċli lil kulħadd għalkemm mill-aħħar sitt ħarġiet kisbu żewġ rebħiet biss.
Manchester City se jkunu away ukoll kontra Crystal Palace li ġejjin minn erba’ draws u żewġ telfiet waqt li s-City kisbu erba’ rebħiet u draw u sofrew telfa. Huma jinsabu ħames punti wara Arsenal meta lagħbu 26 logħba kull wieħed u għad iridu jiltaqgħu kontra xulxin fl-Etihad Stadium.
It-team fit-tielet post, Manchester United, li l-Ħadd li għadda sofrew telfa umiljanti ta’ 7-0 kontra Liverpool, se jilqgħu lil Southampton, logħba li fuq il-karta ma tidhirx waħda diffiċli l-iktar wara li nhar il-Ħamis ġabru ġieħhom u għollew il-moral b’rebħa 4-1 fuq Real Betis fl-Europa League.
Mill-aħħar sitt logħbiet il-United kisbu tliet rebħiet u draw u s-Saints żewġ rebħiet, l-iktar riċenti tkun dik 1-0 kontra Leicester City.
Il-programm se jibda bil-konfront ta’ kmieni wara nofsinhar fejn Bournemouth se jilqgħu lil Liverpool li fl-ewwel round għelbuhom bl-iskor fenominali ta’ 9-0 f’Anfield. Iċ-Cherries ġejjin mit-telfa kontra Arsenal waqt li Liverpool jinsabu fis-seba’ sema wara r-rebħa mal-United.
Meta Liverpool dehru kważi bla ebda ċans li jidħlu fl-ewwel erbgħa biex jiksbu post fiċ-Champions League, issa jinsabu tliet punti biss wara Tottenham u għalhekk jinsabu lesti li jieħdu dan iċ-ċans.
Logħba bejn t’isfel u ta’ fuq tara lil Everton ikunu f’darhom kontra Brentford li qed ikollhom staġun mill-aqwa meta jinsabu fid-disa’ post bi 38 punt, Min-naħa tat-Toffeemen xejn inqas minn rebħa m’hija tajba għalihom.
Anke Leeds kontra Brighton tidħol fl-istess kategorija b’tal-ewwel jinsabu barra mill-aħħar tlieta bis-saħħa tad-diffrenza tal-goals ma’ Everton waqt li s-Seagulls jinsabu xxamplati fit-tmien post tant li anke qed jitħabtu għal post fl-Ewropa.
Team li jinsab żewġ punti biss barra miż-żona l-ħamra huwa dak ta’ Leicester li jilqgħu lil Chelsea, friski mill- kwalifikazzjoni għall-kwarti- finali taċ-Champions League meta għelbu lill-Ġermaniżi, Borussia Dortmund, 2-0, għal aggregate ta’ 2-1.
Iżda Tottenham sfaw eliminati mill-istess kompetizzjoni mit-Taljani, Milan, u issa jridu joqogħdu attenti biex ma jitilfux ir-raba’ post u b’hekk jibqgħu barra minnha fl-istaġun li ġej.
Spurs se jkunu f’darhom kontra Nottingham Forest li għad fadlilhom biex iserrħu rashom għal kollox mill-ġlieda tar-relegazzjoni meta mill-aħħar sitt logħbiet rebħu waħda biss.
Team ieħor li għadu jitħabat biex jitbiegħed mir-relegazzjoni huwa dak ta’ West Ham li l-Ħamis għamlu pass kbir biex ikunu fil-kwarti-finali tal-Conference League meta għelbu lil AEK Larnaca 2-0 f’Ċipru.
Huma se jiltaqgħu kontra t-team li jilbes l-istess kuluri bħalhom, Aston Villa, li min-naħa tagħhom jinsabu trankwilli f’nofs il-klassifika.
Il-logħba li tagħlaq il-programm tara lil Newcastle jiltaqgħu kontra Wolves f’konfront ieħor bejn ta’ fuq u ta’ taħt.
Il-Magpies jinsabu l-ħames b’41 punt u Wolves fit-13-il punt b’27 punt, bil-forma tat-tnejn fl-aħħar sitt logħbiet hija li Newcastle kisbu rebħa u wara tliet draws u żewġ telfiet waqt li Wolves kisbu tliet rebħiet u draw.