Wara l-waqfa ta’ ġimgħa minħabba l-logħob tan-Nations League llum se jirritorna l-Premier League bid-Derby ta’ Manchester bejn is-City u l-United li se tintlagħab għada wara nofsinhar waqt li l-programm jibda llum b’derby oħra, dik tat-Tramuntana ta’ Londra bejn Arsenal u Tottenham meta se tintlagħab it-tmien ġurnata tal-kampjonat.
Man City v Man Utd – Bħal dejjem id-Derby ta’ Manchester tiġbed l-immaġinazzjoni tal-partitarji tagħhom u lil hinn fejn bħalissa s-City qed jokkupaw it-tieni post punt wara l-leaders meta bħal Spurs huma l- uniċi bla telfa.
Min-naħa tal-United huma rkupraw tajjeb mit-tliet telfiet fil-bidu tal-istaġun li għalihom pattew b’erba’ rebħiet konsekuttivi li rawhom jitilgħu fil-ħames post ħames punti wara s-City.
Arsenal v Tottenham – Din id-derby ma setgħetx tiġi fi żmien aktar propizju meta ż-żewġ timijiet jinsabu fl-ewwel tlieta tal-klassifika fejn punt biss qed jifridhom minn xulxin bil-Gunners qed igawdu punt vantaġġ fuq l-avversarji tagħhom.
Intant Arsenal għadhom tilfu tliet punti biss fil-logħba kontra Manchester United li dawn rebħu 3-1 waqt li min-naħa ta’ dawn huma bdew bi tliet telfiet u wara ħadu erba’ rebħiet.
Bournemouth v Brentford – Din il-logħba tidher bilanċjata fuq il-karti meta l-Bees qed jillidjaw lill-avversarji tagħhom b’punt fejn wara li sofrew telfa umiljanti ta’ 9-0 kontra Liverpool qed jirkupraw tajjeb b’rebħa u żewġ draws.
C. Palace v Chelsea – Anke din hija derby ta’ Londra oħra bil-Palace b’sitt punti u jinsabu fis-16-il post waqt li Chelsea għandhom erba’ punti iktar minnhom u jinsabu s-seba’.
Il-Blues kisbu tliet rebħiet u draw waqt li sofrew tliet telfiet meta ma kinux bla ħniena fl-attakk.
Fulham v Newcastle – Tliet punti biss qed jifirdu lil dawn it-timijiet bil-Cottagers jiksbu żewġ rebħiet u żewġ draws waqt li l-Magpies bdew b’rebħa u wara ħadu ħames draws u sofrew telfa.
Il-manager Portugiż ta’ Fulham, Marco Silva, jidher li qed imexxihom tajjeb meta għadhom ġejjin miċ- Championship.
Liverpool v Brighton – Ir-Reds jistgħu jingħataw logħba diffiċli mis-Seasiders għalkemm issa dawn m’għadhomx taħt il-gwida tal-manager Graham Potter u għalhekk wieħed irid jara jekk hux se jibqgħu għaddejjin bħal ma kienu taħtu.
Min-naħa ta’ Liverpool huma għadhom kisbu żewġ rebħiet biss waqt li l-kolonna tal-goals favur tidher stabbli bis-saħħa tad-disgħa li skorjaw kontra Bournemouth.
Huma għandhom lill-aqwa skorer Mohamed Salah għadu mhux juri l-forma tas-soltu bil-vantaġġ tagħhom illum ikun li se jilagħbu f’Anfield.
Southampton v Everton – Is-Saints se jilqgħu lit-Toffeemen f’St Mary’s Stadium meta t-tnejn jinsabu fuq seba’ punti b’dawn tal-aħħar ġejjin minn erba’ draws u rebħa waqt li t-team ta’ Ralph Hasenhuttl ġej minn żewġ telfiet. Għaldaqstant, il-logħba tidher bilanċjata bis-Saints igawdu mill-vantaġġ tal-ground.
West Ham v Wolves – Il-logħba ta’ waqt il-ħin tat-té tara lil West Ham jospitaw lil Wolves meta t-tnejn kellhom bidu ħażin b’dawn tal-aħħar jinsabu punt aħjar waqt li ż-żewġ timijiet huma l-inqas li skorjaw f’seba’ logħbiet – tliet goals kull wieħed.
Wolves ġejjin mit-telfa 3-0 kontra Manchester City f’darhom li fiha tilfu lil Nathan Collins li tkeċċa għal foul ikrah fuq Jack Grealish iżda min-naħa l-oħra qed jittamaw li l-akkwist il-ġdid Diego Costa jibda jsib ix-xibka instantanjament.
Leeds U. v Aston Villa – Anke dawn iż-żewġ timijiet jinsabu mifrudin b’punt li qed igawduh Leeds li ġejjin minn draw u żewġ telfiet waqt li wara tliet telfiet il-Villa ħadu draw u rebħa biex anke hawn insibu bilanċ.
Leicester C. v Nottm F. – Il-programm ta’ tmiem il-ġimgħa kien kważi kollu bejn timijiet viċin xulxin fil-klassifika, u dan il-konfront mhuwiex eċċezzjoni meta Leicester City jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika tliet punti wara Nottingham Forest li jinsabu qabilhom.
Huma qed ikollhom staġun deludenti fejn il-Forest, minkejja x-xirjiet ta’ 22 player fis-sajf li huwa rekord, ġejjin minn erba’ telfiet wara xulxin u l-Foxes minn sitt telfiet konsekuttivi.
Ċertament li rebħa għal wieħed minnhom tagħmlilhom mitqlu ġid.