Monday, May 20, 2024

ĠENITURI FL-EDUKAZZJONI

Aqra wkoll

Studji li jsiru minn żmien għal żmien f’diversi pajjiżi madwar id-dinja dwar l-iżvilupp u t-titjib fis-sistema edukattiva, inkluż f’pajjiżna, jindikaw diversi fatturi li jistgħu jwasslu għal titjib f’dan il-qasam. Madankollu kulħadd jaqbel li wieħed mill-fatturi ewlenin li jwassal għal dan kollu huwa l-kollaborazzjoni u l-komunikazzjoni kontinwa bejn l-imsieħba kollha f’dan il-qasam. Daqskemm hu essenzjali li l-għalliema joffru esperjenza edukattiva ta’ kwalità lill-istudenti tagħhom, hekk ukoll huwa essenzjali li l-ġenituri jieħdu interess fl-edukazzjoni ta’ wliedhom. Dan l-interess għandu jkun f’kull livell għax sfortunatament min-naħa tal-ġenituri ħafna drabi dan jonqos sew meta t-tfal jibdew l-esperjenza tagħhom fil-livell sekondarju.

Min-naħa l-oħra l-edukaturi u dawk li jmexxu l-iskejjel m’għandhomx jaraw lill-­ġenituri bħala xi theddida għall-­professjoni tagħhom jew inkella persuni li qegħdin hemmhekk biss biex jgħinu lill-iskola biex takkwista aktar fondi permezz ta’ attivitajiet soċjali. Il-ġenituri, bl-esperjenza tagħhom, kapaċi wkoll ikunu strument ta’ tagħlim fil-­klassi, strument ta’ titjib fl-esperjenza edukattiva ta’ wliedna. Dan jista’ jseħħ biss jekk l-iskola jkollha politika miftuħa dwar kif tħares lejn il-parteċipazzjoni tal-­ġenituri. Hu essenzjali wkoll li l-iskejjel jagħmlu anki użu tajjeb tal-kunsilli skolastiċi fi ħdanhom, jippromwovu dawn il-kunsilli u jħeġġu lill-ġenituri biex jimpenjaw ruħhom fil-ħidma tagħhom. Sfortunatament fl-aħħar għoxrin sena rajna tnaqqis fil-livell ta’ interess min-naħa tal-ġenituri f’dawn il-kunsilli jew assoċjazzjonijiet tal-ġenituri.

Il-Kunsilli skolastiċi għandhom ikunu wkoll fora fejn titqajjem diskussjoni dwar it-­tibdil fil-qasam edukattiv, dwar liema huma l-aħjar modi li bihom il-ġenituri jistgħu jgħinu lil uliedhom fit-tagħlim, dwar liema programmi ta’ taħriġ jistgħu jiġu offruti lill-ġenituri matul is-sena skolastika biex ikunu f’pożizzjoni aħjar li jgħinu lil uliedhom. Hu importanti mbagħad li tali diskussjoni ma tkunx limitata biss għal ftit persuni iżda minn żmien għal żmien tintalab ukoll l-opinjoni tal-ġenituri l-oħra.

Dan għax f’dan il-qasam l-ebda politika u inizjattiva ma tista’ tkun suċċess jekk ma jkollokx lill-edukaturi, il-ġenituri u l-istess studenti qegħdin jaħdmu flimkien għal għan wieħed: dak li naraw li kull tifel u tifla jkollu esperjenza edukattiva pożittiva.

Sport