Sunday, November 24, 2024

Premier League: L-attenzjoni f’Old Trafford bejn Man Utd u Man City

Aqra wkoll

Bla dubju ta’ xejn l-iktar logħba mistennija f’dan l-10 programm tal-Premier League Ingliż hija dik li se tintlagħab għada filgħaxija f’Old Trafford bejn il-ġirien Manchester United u Manchester City, li minkejja li fil-klassifika jinsabu fit- tmienja u fit-tieni post ris­pet­tivament, id-differenza tal-punti bejniethom hija biss ta’ sitta.

Il-United ma kellhomx bidu mill-aqwa għall-kampjonat meta minn disa’ logħbiet tilfu erbgħa, iżda huma ġejjin minn rebħa ristretta ta’ 1-0 kontra FC Copenhagen fiċ-Champions Lea­gue, li żgur tgħollilhom il-moral għal-logħba ta’ għada.

Min-naħa tagħhom is-City ukoll ġejjin minn rebħa 3-1 kontra Young Boys fl-   istess kompetizzjoni u dan wara li sabu ruħhom goal minn taħt. Iżda wara li kien ilu ma jsib ix-xibka avversarja l-iskorer prolifiku, Erling Haaland, skorja doppjetta fl- Isvizzera.

Intant, illum il-programm se jibda bil-logħba fi Stamford Bridge li hija d-Derby ta’ Londra kontra Brentford li hija ferm importanti għaż-żewġ naħat.

Il-Blues jinsabu fl-10 post u l-Bees fl-14 b’tal-ewwel qed igawdu vantaġġ minimu ta’ żewġ punti biss. It-team ta’ Mauricio Pochettino ġej mid-diżappunt tad-draw 2-2 kontra Arsenal wara li kienu bnew vantaġġ ta’ żewġ goals waqt li dak ta’ Thomas Frank ġej minn rebħa wkoll wara ħames riżultati negattivi.

Arsenal se jkunu fl-Emi­rates Stadium biex jilqgħu lit-team tal-qiegħ, Sheffield United, li kull m’għandhom x’juru huwa punt li kisbu fir-raba’ logħba. Huma ġejjin minn telfa ta’ 2-1 f’Old Trafford li fiha ħabbtu sew lill- United.

Min-naħa tal-Gunners hu­ma jinsabu punti ndaqs ma’ Manchester City waqt li fiċ-Champions League kisbu rebħa tajba kontra Sevilla bl-iskor ta’ 2-1.

Bournemouth u Burnley, li t-tnejn jinsabu fl-aħħar tlie­ta se jiltaqgħu fil-Vitality Stadium b’rebħa għal wie­ħed minnhom żgur li tgħollilhom il-moral meta huma biss il-Clarets li kisbu rebħa bejniethom.

Iċ-Cherries tilfu l-aħħar logħba kontra Wolves f’darhom meta s-sena l-oħra ħadulhom erba’ punti mingħajr ma sofrew goal.

L-aħħar logħba tal-lum hija dik f’Molineux li fiha Wolves jilqgħu lil Newcastle li ġejjin minn telfa f’darhom kontra Borussia Dortmund fiċ-Champions League.

Wolves jidhru li ġejjin fil-forma meta qed isibu x-xib­ka iktar spiss mill-istaġun l-ieħor u mill-bidu tal-istaġun waqt li dejjem taw logħba lit-timijiet ta’ fuq bil-quċċata jilħquha meta għelbu liċ-champions Manchester City li hija l-unika telfa li huma sofrew s’issa fil-kampjonat.

Il-manager tat-Toon, Eddie Howe, għandu xi players imweġġgħin waqt li s-sos­pensjoni tat-Taljan, Sandro Tonali, hija daqqa ta’ ħarta għalih.

Minbarra d-Derby ta’ Manchester, għada se jintlagħbu erba’ logħbiet oħra bl-ewwel waħda tkun dik fil-London Stadium li fiha West Ham se jkunu f’darhom kontra Everton li minbarra li ma jinsabux f’pożiz­zjoni tajba huma għandhom l-inkwiet meta wisq probabbli se jitnaqsulhom 12-il punt minħabba ksur tar-re­goli tal-Financial Fair Play.

Il-Hammers kellhom bidu tajjeb tal-istaġun minkejja li l-Ħamis sfaw megħluba 2-1 minn Olimpiakos tal-Greċja fl-Europa League, iżda qed jaqsmu l-ewwel post mal- Ġermaniżi, Freiburg.

Iż-żewġ timijiet ġejjin minn telfa fil-kampjonat, West Ham tilfu 4-1 għand Aston Villa waqt li Everton tilfu d-Derby ta’ Merseyside  2-0 kontra Liverpool.

Anke l-Villa se jkunu f’darhom wara r-rebħa 4-1 għand AZ Alkmaar fil-Conference League. U dan wara li fi tmiem il-ġimgħa kisbu l-istess riżultat kontra West Ham. Ċertament li taħt il-manager Spanjol, Unai Eme­ry, il-Villa qed jiskorjaw goals bl-abbundanza f’dan l-istaġun.

Huma se jkunu f’darhom kontra Luton Town li għadhom ma qabdux art wara li reġgħu rritornaw mal-kbar wara 32 sena tant li kull ma kisbu huma rebħa u draw.

Liverpool, li ġejjin mir-reb­ħ­a fuq Everton u dik ta’ 5-1 kontra Toulouse fl-Europa League, se jiltaqgħu kontra Nottingham Forest f’Anfiled. Huma jinsabu fir-raba’ post tliet punti wara l-leaders biex b’hekk tidher il-kompetizzjoni ferm missielta fil-Premier League kemm jekk fin-naħa ta’ fuq, fin-nofs u fin-naħa t’isfel.

Il-Forest, li jinsabu fil-15-il post b’10 punti, issa ilhom ħames logħbiet ma jirbħu li fihom ħadu biss draw. U għalhekk il-manager Steve Cooper għandu biċċa xogħol biex iżommu lir-Reds f’Merseyside.

Il-logħba li jonqos biex tagħlaq il-programm se ssir fl-AMEX Stadium fejn Brighton jilqgħu lil Fulham li mill-aħħar sitt logħbiet ħadu biss żewġ rebħiet u draw waqt li s-Seagulls ħadu tliet rebħiet u draw u sofrew żewġ telfiet mill-aħħar tliet ħarġiet – xi ħaġa li għandha tħasseb lill-manager Roberto De Zerbi.

Brighton ġejjin minn reb­ħa storika kontra Ajax (2-0) fil-Europa League meta hija l-ewwel waħda tagħhom fl- Ewropa.

Sport