Thursday, May 16, 2024

Kampjonat Premier: Tispikka Valletta v Hamrun Spartans

Aqra wkoll

Meta llum u għada tintlagħab is-sitt ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier, il-konfront klassifiku bejn Valletta u Hamrun Spartans, bla dubju, jisraq ix-xena b’nostalġija partikolari meta fis-snin tmenin spikkat ir-rivalitá qawwija bejn dawn iż-żewġ timijiet.  

Partita oħra mill-aktar interessanti hija dik Balzan u Birkirkara fejn dawn tal-aħħar ma jistgħux iwaqqgħu aktar punti. 

Sliema Wanderers u Gzira United, li jinsabu bl-istess ammont ta’ punti, jimmiraw għat-tielet rebħa tal-istaġun f’dan id-derby meqjus bħala wieħed bilanċjat. 

Naxxar Lions jaffrontaw lil Hibernians, l-aktar team li ddiżappunta s’issa.

Żewġ partiti li għandhom ikunu bilanċjati u miftuħin għal kull riżultat huma Mos­ta v Marsaxlokk u dak dirett bejn Sirens u Sta Lucia … filwaqt li Floriana jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ kontra Gudja United. 

Valletta v Hamrun S.– Bla dubju, din hija l-aqwa partita ta’ tmiem il-ġimgħa li dejjem tiġbed pubbliku numeruż minħabba r-riva­litá li teżisti bejn dawn iż-żewġ timijiet hekk kif ikunu qed iġeddu l-memorji tas-snin tmenin meta kienu l-aqwa żewġ timijiet u kienu jissieltu għall-unuri. 

Peró, f’dawn l-aħħar snin kienu l-Ispartans li ddomi­naw ix-xena … b’kuntrast għall-Beltin li naqsu mir-rendiment tagħhom bil-konsegwenza li fl-aħħar żewġ staġuni naqsu milli jikkwalifikaw għall-kom­petizzjo­nijiet Ewropej. 

Madankollu, huma jinżlu għal dan il-konfront b’mo­ral għoli hekk kif ġejjin minn rebħa ta’ 1-0 fuq Marsa­xlokk.

Min-naħa tal-Ħamruniżi, dawn jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ wara li ġew miżmuma minn Sliema Wanderers bl-iskor ta’ 1-1 fejn waqqgħu wkoll l-ew­wel punti. 

Dan se jkun l-ewwel test diffiċli għall-coach ta’ Valletta, Vincenzo Potenza.  

Balzan v Birkirkara – Din hija partita bejn żewġ ġirien fejn Balzan daħlu fiż-żona Ewropea filwaqt li Birkirkara jridu jirkupraw mid-diżappunt tat-telfa ta’ 2-0 kontra Mosta … liema telfa ħalliethom sitt punti wara l-ko-leaders, Hamrun Spartans u Floriana. 

Għaldaqstant xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom jekk iridu jibqgħu jżommu kuntatt mat-timijiet ta’ fuq. 

Balzan se jissaħħu bir-ritorn minn sospensjoni ta’ Andre Prates u Paul Fenech .

Naxxar L. v Hibernians – Hibernians għandhom partita delikata meta jaffrontaw lil Naxxar Lions li ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra Flo­riana. 

Fil-veritá, il-pressjoni tin­­sab kollha fuq il-Paw­listi hekk kif ġejjin minn tliet telfiet konsekuttivi u huma distakkati seba’ punti mil-leaders. 

Huma jinsabu punt wie­ħed biss fuq iż-żona tar-re­legazzjoni u telfa tkun tfis­ser periklu fuq ix-xefaq. 

Rebħa għal Naxxar to­ħ­roġhom miż-żona tar-relegazzjoni u jaqbżu lill-istess Pawlisti. 

Iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aħjar for­mazzjoni.    

Sirens v Sta Lucia – Dan huwa konfront dirett bejn żewġ timijiet li qed jiġġieldu biex iżommu l-profil tagħhom fl-ogħla diviżjoni … hekk kif jinsabu ankrati fl-aħħar post tal-klassifika b’punt wieħed biss. 

Filwaqt li l-Luċjani ilhom ‘jinnamraw’ mar-relegazzjo­ni għal dawn l-aħħar tliet staġuni, Sirens iddiżappun­taw bil-kbir meta fil-bidu tal-istaġun kellhom aspet­tattivi għoljin, tant, li akkwistaw tmien players tal-istess team, Medeama, li rebaħ l-kampjonat tal-Gh­a­na. 

U l-fatt li f’dan l-istaġun se jiġu relegati erba’ timijiet, m’hemmx lok għall-iżbalji.

Sirens jilqgħu lura lil Daniel Okopu minn sos­pensjoni. 

Mosta v Marsaxlokk – Wara li għelbu lil Birkirkara bl-iskor ta’ 2-0, Mosta jin­żlu għal din il-partita b’mo­ral għoli kontra team li ġej minn telfa ta’ 1-0 kontra Valletta. 

Għaldaqstant, ix-Xlukkajri jridu jirriorganizzaw konxji mill-fatt li telfa tippermetti lill-Mostin jitilgħu punt taħthom filwaqt li jitilfu l-kuntatt mat-timijiet ta’ fuqhom. 

Huma għandhom lil Jacob Walker sospiż filwaqt li Anthony Abah Obonogwu jirritorna minn sospensjoni. 

Mosta ma għandhom l-ebda problemi ta’ players neqsin. 

Sliema W. v Gzira U.  – Dan id-derby għandu jkun wieħed missielet u bilanċjat u ma tkun l-ebda sorpriża li jintemm fi draw … liema riżultat ma jikkuntenta lil ħadd minħabba li l-objettiv taż-żewġ timijiet huwa li filwaqt li jitbiegħdu min-naħa t’isfel tal-klassifika, huwa li jis­fidaw għal post fil-UEFA Confe­rence League. 

Għal Sliema se jirritorna Neil Frendo minn sospensjoni filwaqt li għandhom lil Geoffrey Acheampong sospiż. 

Għall-Maroons jirritorna wkoll Gabriel Bohrer Mentz  minn sospensjoni iż­da għandhom lil Thiago Espindola sospiż.  

Gudja U. v Floriana– Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li fl-aħħar ħarġa tagħhom spiċċaw fi draw … b’dak ta’ Floriana jkun l-aktar wieħed diżappuntanti m­eta temmew 1-1 kontra Naxxar Lions biex waqqgħu l-ewwel punti tal-istaġun u fallew milli jitilgħu waħedhom fil-quċċata tal-klassifika. 

Min-naħa ta’ Gudja Uni­ted, dawn kellhom lil Marvin Angulo mkeċċi fl-ewwel 20 minuta u d-draw ta’ 0-0 kontra Sta Lucia jista’ jitqies bħala wieħed pożittiv. 

Angulo se jitlef din il-logħba għax sospiż. 

Sport