Hekk kif il-festi issa qabdu r-rankatura tagħhom dan il-weekend wieħed mill-irħula li qed jiċċelebra l-festa huwa Ħal Luqa – festa f’ġieh l-appostlu Sant Andrija. Dan is-sit tkellem mal-licensee Roosvelt Psala mis-St. Andrew’s Band Fireworks Factory fejn spjegalna l-aħħar preparamenti li kienu qed isiru fl-għelieqi minn fejn se jinħaraq in-nar, sabiex illejla nassitu għal ħarqa nar sinkronizzata mal-mużika Pyro stars u diversi settijiet ta’ murtali tradizzjonali. Dan kollu wieħed jista’ jsegwih minn Triq il-Gudja fejn iċ-ċimiterju ta’ Ħal Luqa.
Kollox jibda għas-7.30 p.m fejn jinħaraq Salut, kaxxa infernali u settijiet ta’ murtali tal-beraq bil-logħob.
Fid-9:15 p.m imbgħad nassistu għal-PyroStars Musical Show fejn naraw ħruq ta’ Lampjuni, sfejjer, blalen, beraq pront, beraq tal-kulur, beraq bil-logħob, murtali tal-kulur u għeluq spettakolari – nar sinkronizzat mal-mużika b’diversi baraxxijiet, fetħiet tal-beraq u tal-kulur, blalen kbar u kaxxa tal-kulur.
Tkellimna wkoll mal-president tal-Għaqda Mużikali Sant Andrija Charles Attard fejn spjegalna eżatt x’ser jiġri llejla fil-pjazza ta’ quddiem il-każin, hekk kif fit-8.30 p.m il-Banda Sant Andrija tagħmel il-marċ tradizzjonali ta’ lejliet il-festa b’marċi brijużi, filwaqt li takkumpanja l-istatwa ta’ Sant Andrija Patrun tal-Banda u ta’ Ħal Luqa mat-toroq.
Huwa enfazziza il-fatt li f’Ħal Luqa l-marċi l-kbar issir proprju s-sibt lejliet il-festa, marċ li jkun ferm mistenni. Kompla jgħid li l-qofol tal marc ikun għall-ħabta tal- 11.00 p.m meta l-istatwa ta Sant Andrija – xogħol ta’ Michael Camilleri Cauchi Padrun ta’ din il-banda li ġġib ismu titla fuq il-kolonna tagħha f’Misraħ il-Knisja fost il-ferħ u l-briju tal-partitarji u tal-Ħalluqin kollha.
Spjegalna il fatt innovativ li din l-istatwa tita permezz ta’ sellum mekannizat li dan sar għall-ewwel darba f Malta fis-sena 1993 minn eks President tal-istess Soċjetà. Prattikamet l-istatwa ta Sant Andrija waqt li tkun tiela’ ddur diversi drabi lejn iż-żewġ naħat tal-pjazza sakemm jidħol fuq il-kolonna tiegħu. Huwa qalilna wkoll li dan it-tlugħ ser ikun imżewwaq bi spettaklu bil-karti u brijju.
Din il-lejla tispiċċa bil-Logħob tan-nar tal-art mekkanizzat li jibda 12:30 a.m f’Wesgħat il-Vittmi tal-Gwerra fid-daħla ta’ Ħal Luqa, maħdum mill-membri tas-St.Andrew’s Band Fireworks Factory. “Għalhekk nistiednu lil kulħadd sabiex illejla iżur ir-raħal ta’ Ħal Luqa sabiex flimkien magħna jiċċelebraw il-festa ta Sant Andrija”, temm jgħidilna.