Saturday, December 21, 2024

Presepju mhux tas-soltu… li jitratta l-indifferenza

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Lassana. Loujin. Il-kunflitt f’Gaża. It-traġedja ta’ Crotone li fiha mietu aktar minn mitt immigrant fosthom għadd ta’ tfal. L-indifferenza fis-soċjetà tagħna lejn dawk l-aktar li jinsabu fil-bżonn.

L-indifferenza ta’ kif nagħtu darna lil dawk fl-aktar mument li jkollhom bżonn, anke jekk f’okkażjoni ‘lhawn u ‘lhemm biex taparsi inserrħu l-kuxjenza indaħħlu idejna fil-but u noħorġu xi karta tal-flus biex intuha għal persuni fil-bżonn jew għal missjoni. Il-mod kif is-soċjetà tagħna hi aljenata b’kull xorta ta’ divertiment u konsumeriżmu u tinsa affarijiet ħafna aktar importanti bħas-solidarjetà u l-empatija.

Dawn huma kollha temi li ġew trattati fi presepju differenti maħdum minn Craig Vella. Presepju li kien għall-wiri fis-sede tas-Soċjetà tal-Museum tar-Rabat.

Ma’ l-ewwel daqqa t’għajn jolqtuk ir-ritratti xokkanti ta’ dak li għaddej f’Gaża. Tfal kollhom dmija. Bini mġarraf. Missier iġorr il-katavru ta’ ibnu. Bombi jisplodu. Prattikament huma ritratti li juruk it-tbatija umana tal-Palestinjani f’Gaża. Tbatija umana li ħafna qegħdin siktin dwarha. Ħafna qegħdin jinjorawha. Ikun hemm min jirraġuna “il-kunflitt jinsab ilbogħod”. Oħrajn jgħidulek ‘mhux huma bdew’. Ikun hemm min jgħidlek ‘dik l-art mhix tagħhom”. U l-aktar argument li tisma’ hu, ‘aħna l-ewwel jinteressana x’jiġri f’pajjiżna. Għal dawk jitkellem u jiġġieled il-Gvern tagħhom”.

U proprju f’dan il-presepju tara din l-indifferenza. Ġebel imwaqqa’ li jissombilizza it-tiġri imma ħadd ma jagħti każ. Kulħadd għaddej fuq xogħlu.

Min jixrob fit-Taverna. Oħrajn għaddejjin ibiegħu, oħrajn għaddejjin bix-xirja, oħrajn sejrin idoqqu fit-taverni. Insomma kulħadd imħabbat fuq xogħlu u għalihom m’hemmx ħin biex isegwu jew jitkellmu dwar it-traġedja umana f’Gaża.

L-istess indifferenza narawha lejn iċ-ċentru ta-presepju. It-twelid ta’ Ġesu. Marija u Ġużeppi flimkien mat-tarbija issibhom fuq luzzu f’nofs ta’ baħar. Fi presepji oħra issibhom imdawwrin b’rgħajja u kull tip ta’ karattri oħra. F’dan il-presepju m’hemm ħadd magħhom. Jinsabu waħdihom. Kulħadd injorahom. Hemm biss persuna qiegħda tegħreq fuq quddiem tad-dgħajsa. Persuna li tirrappreżenta lil dawk l-eluf li sabu qabarhom il-Mediterran.

U waqt li t-tarbija tinsab fuq id-dgħajsa, bla ikel u bla ilma, jidher is-suq mgħammar bi prodotti tal-ikel b’pasturi li jirrappreżentaw l-konsumaturi sejrin jixtru waqt li jinjoraw id-dgħajsa. Sitwazzjoni li faċilment tista’ tqabbilha mal-Milied u l-konsumeriżmu li sar marbut miegħu.

Il-presepju ma jiqafx hemm u f’naħa minnhom naraw ritratt ta’ Lassana Cisse. Dak l-immigrant Afrikan li inqatel kiesaħ u biered f’Birżebbuġa. Qtil razzjali. Lassana fil-presepju qed jissimbolizza il-pjaga tar-razziżmu. Pjaga oħra ukoll li s-sezzjonijiet sħaħ fis-soċjetà jagħżlu li jibqgħu indifferenti lejha. Dan biex ma nsemmux il-perċezzjonijiet u l-isterjotipi, fejn għal kull ħaġa is-swaba jippontaw il-barranin. Anke jekk hu sempliċiment vandaliżmu, mingħajr ma nafu min u min wettqu, pronti nibdew nisimgħu li twettqu minn barranin. Erħilu li kif kien ġara f’każ fil-Marsa, dak li deher vandaliżmu ma kienx vandaliżmu u lanqas twettaq minn barranin kif kien intqal.

Il-presepju issib fih lil Loujin, dik it-tifla li kienet qiegħda tivvjaġġa mis-Sirja. Għamlet jien sħaħ bejn sema u ilma u spiċċat mietet bil-għatx. It-traġedja ta’ Crotone u dik id-dgħajsa imfarrka fuq il-blat, traġedja li ħalliet aktar minn 100 persuna bla ħajja fosthom għadd ta’ tfal, ukoll issibha f’dan il-presepju.

Dan hu presepju li jfakkrek ftit kif inhi s-soċjetà llum….l-individwaliżmu u l-egoiżmu li jipprevalu. Hu presepju li jagħmillek sejħa biex tagħmel l-isforz tiegħek. Sforzi żgħar fil-ħajja ta’ kuljum. Ma tkunx preġudikat. Ma trewwaħx l-isterjotipi u r-razziżmu. Ma tużax kliem ta’ mibegħda speċjalment fuq is-siti soċjali. Turi solidarjetà ma’ min qed ibati. Ma’ min għamel vjaġġ perikoluż għax ma kellux alternattiva oħra. Solidarjetà ma’ dik l-omm li qed trabbi l-uliedha waħidha, u li s-soċjetà tagħna spiss ukoll tkun preġudikata kontrihom. Empatija ma’ min qed ibati, min għal ħaġa u min għal oħra. Il-presepju isejjaħlek biex twarrab l-individwaliżmu, l-egoiżmu u l-konsumeriżmu.

Is-Soċjetà tal-MUSEUM tar-Rabat ikkummentat fuq dan il-presepju. Huma kkummentaw li “messaġġ qawwi ġie mill-presepju ta’ Craig Vella li fih rabat it-tema tat-twelid ta’ Ġesù mal-karba tar-refuġjati. Il-familja Mqaddsa ukoll kienet refuġjata fl-Eġittu. Il-presepju juri xeni qawwija minn dak li qed jiġri bħalissa f’Gaża u refuġjati oħra li tilfu ħajjithom f’pajjiżna jew fil-Mediterran. Grazzi mill-qalb lil Craig ta’ dan il-presepju.”

Ekonomija

Sport