Kull President ta’ pajjiż huwa simbolu tal-għaqda fost il-poplu. B’danakollu dan is-sentiment mhux dejjem jaħdem. Jekk inħarsu lejn dak li qed jiġri fi Franza bħalissa, naraw li l-president tal-pajjiż ma tantx huwa popolari mal-poplu tiegħu. Tant hu hekk li xi partiti politiċi f’pajjiżu kienu qed jippjanaw xi protesti biex iġegħluh iwarrab.
F’pajjiżna, aħna xxurtjati li dan mhuwiex il-każ. Għandna President tar-Repubblika li tħoss il-polz tal-poplu u titkellem il-lingwaġġ tiegħu. Spiss spajna lill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono titkellem dwar kemm huwa għaqli li l-poplu kollu jingħaqad. Dan is-sentiment kien anke minn Presidenti preċedenti, irrispettivament mit-twemmin politiku li kienu jħaddnu qabel ingħataw il-kariga.
Ftit tal-jiem ilu, waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-ġurament lill-Kap tal-Oppożizzjoni l-ġdid, il-President ingħaqdet ma’ dak li huwa qal, illi rridu nwarrbu minn fostna n-narrattiva tal-blu u l-aħmar u nitkellmu biss dwar il-bajda u l-ħamra. Għall-President Spiteri Debono, l-għaqda tfisser li nkunu lkoll flimkien għall-ġid tal-pajjiż tagħna. Dan ifisser li l-President ma tarax kuluri jew twemmin imma tara poplu wieħed.
F’intervista li kienet tat lil dan il-ġurnal, il-President kienet saħqet li ċertu kwistjonijiet ta’ portata kbira jew li joħolqu kontroversja, għandhom ikunu deċiżi mill-poplu stess. Dan juri li l-President tħoss il-polz tal-poplu.
L-umaniżmu tagħha jkompli jidher minn diskorsi li sikwit tagħmel f’okkażjonijiet u sitwazzjonijiet differenti, dejjem b’appell għall-għaqda fost il-poplu. Dan ikompli jidher ukoll f’dak li qalet fid-diskors inawgurali tal-Presidenza tagħha meta talbet għall-għajnuna ta’ kulħadd biex il-pajjiż tagħna jasal fejn għandu bżonn. Eżempju għall-għaqda aħjar minn dan ma naħsbux li hemm.
Ma nistgħux ma niftakrux illi f’diskors ta’ Jum ir-Repubblika li għamlet is-sena l-oħra, hija bi kliem qawwija kienet qalet li rridu nħarsu ’l quddiem, kull wieħed u waħda minna, irridu nżommu fuq quddiem il-kwalitajiet tajbin tagħna, ix-xogħol iebes, ir-reżiljenza, is-solidarjetà u fuq kollox l-imġiba xierqa.
Dan huwa l-legat li nemmnu li l-President Spiteri Debono se tħalli warajha bħala marka tal-Presidenza tagħha.