Tuesday, December 24, 2024

PRESSJONI

Aqra wkoll

In-negozji ż-żgħar qed iħossu dejjem aktar il-pressjoni fuqhom tas-supermarkets il-kbar. Diffiċli tara kif jistgħu jikkompetu magħhom ħlief billi jagħrfu jiżviluppaw niċeċ ta’ ħidma fejn il-kbar ma tantx huma involuti (għalissa). Bħal pereżempju fil-provista ta’ xirjiet li jitwasslu fid-djar, magħmula minn klijenti pjuttost anzjani li joqogħdu qrib ħanut. Imma anke hawn, aktar ma jiżdiedu l-anzjani li jafu jużaw l-internet, aktar se jidħlu f’dal-qasam il-kbar.

Ħadd ma ta kas ta’ hekk meta Malta daħlet membru tal-Unjoni Ewropea: parti (sostanzjali?) tal-investiment barrani li kellu jinġibed fil-pajjiż kien se jmur fil-bini ta’ supermarkets minn ġganti Ewropej ta’ dat-tip ta’ negozju. B’Lidl fuq quddiem nett.

Veru li ċerti investituri u negozjanti Maltin għarfu jikkompetu, supermarket ma’ supermarket. Imma l-investiment barrani bla dubju ta’ xejn hu l-aqwa aġent fis-suq. U n-negozji ż-żgħar (“self employed” jew tal-ħwienet konna nsejħulhom) baqgħu dejjem minn taħt.

L-istess ġara f’pajjiżi bħal Spanja u l-Portugall wara li saru membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea.

DIBATTITU

Ikun dnub jekk id-dibattitu (tista’ ssejjaħlu hekk?) dwar l-istrateġija tal-futur għat-turiżmu jispiċċa aktar jiġġenera sħana milli dawl. Ftit hemm dubju li resqin lejn il-limitu ta’ kemm il-pajjiż jiflaħ turisti bla ma jispiċċa mifqugħ.

Kulħadd donnu jaċċetta li għandna naraw kif nikkonċentraw aktar fuq turisti “ta’ kwalità” li jħallu aktar flus u qligħ warajhom, u mhux nibqgħu niġru wara n-numri. Eżattament kif dan jista’ jiġri ftit qed igħidu.

Il-ministru tat-turiżmu ġie rapportat li qal li l-kwalità hi strateġikament meħtieġa, imma l-kwantità ma tistax twarrabha. Kellu punt. Imma ma jidhirx li elabora dwar kif kwantità u kwalità jistgħu jinżammu koeerenti ma’ xulxin fl-istadju attwali.

Ma naħsibx li dawn il-kwsitjonijiet għandhom jitħallew imdendla. It-turiżmu sar l-aqwa riżors ekonomiku ta’ pajjiżna.

MEDJA U KOTBA

Kien ftit komiku l-editorjal ta’ ġurnal influwenti dan l-aħħar li f’ilment dwar kemm il-kotba huma ftit popolari f’pajjiżna u kemm ftit nies iħobbu jaqraw, poġġa t-tort fuq kulħadd… ħlief fuq il-medja!

Għax daqs il-bqija tas-soċjetà, il-ġurnali (jew dak li baqa’ minnhom) inklużi online ftit li xejn iġibu materjali dwar kotba u qari, anke b’kuntrast ma’ oqsma kulturali oħra bħall-arti viżiva fejn – u jagħmlu tajjeb – ikollhom paġni sħaħ mimlija b’notizzji u kritika. Dwar kotba u letteratura, xejn jew kważi. 

X’kuntrast kbir dan jagħmel ma’ ġurnali u medja Ewropej (li wkoll qed jaffaċċjaw sfidi ekonomiċi simili għal dawk tal-ġurnali lokali). Fihom regolarment jidhru rubriki, notizzji, kritika u polemiki dwar letteratura u kotba, li jservu biex joħolqu interess popolari.  

Ekonomija

Sport