Kien hemm żmien meta konna nistennew li prezz ikun prezz. Kull fejn tmur biex tixtri oġġett, jekk ikun għall-bejgħ, għandek issibu bl-istess prezz. Niftakar fis-snin disgħin tas-seklu l-ieħor, bħala Oppożizzjoni Laburista konna ħadna vantaġġ propagandistiku qawwi meta l-Prim Ministru Fenech Adami ta parir lin-nisa tad-dar biex ifittxu l-ħwienet fejn il-bejgħ kien isir bl-irħas prezz.
Illum prezzijiet tal-istess prodott ivarjaw sew skont iż-żona li tkun fiha, anke fl-istess belt jew raħal. Il-prezzijiet ivarjaw anke bejn il-friegħi tal-istess xibka ta’ ħwienet fejn wieħed jistenna li d-distributuri u t-tmexxija tal-ħwienet ikunu ftehmu dwar il-prezz lill-konsumatur.
Qabel, konna nqisu li ħala ta’ żmien toqgħod tiġri minn ħanut għal ħanut biex tfittex l-aħjar prezz. Illum din ma tidhirx problema aktar. Dak iż-żmien, persentaġġ akbar ta’ nisa kienu jaħdmu d-dar, għall-familja. Wieħed jassumi li x’aktarx kellhom ħin biżżejjed biex “iduru l-ħwienet”. Illum numru dejjem akbar ta’ nisa (u irġiel) qed ikollhom jibbilanċjaw impjieg (ġieli tnejn) mal-ħteġiet tad-dar. Ma tisma’ l-ebda tgergir dwar kemm ivarjaw il-prezzijiet…
KURA
Aktar u aktar familji (anke nies li jgħixu waħidhom) qed jiddeċiedu li jżommu annimal jew aktar biex jgħix magħhom bħala sieħeb ta’ kuljum. (Fl-istess żmien, veru, il-familji qed jiċkienu u t-trabi jiskarsaw.)
Żvilupp bħal dan iġib miegħu bżonnijiet ġodda: li l-annimali miżmuma bħala “pets” ikunu ttrattati tajjeb; li s-servizzi li s-“sidien” jirrikorru għalihom għall-kura tal-annimali jkunu ġenwini; li meta l-annimali jispiċċaw mitluqa, jsibu lil min jieħu ħsiebhom b’galbu… F’ħin jew ieħor, hu l-istat li jrid jiggarantixxi risposta serja għal dawn il-bżonnijiet. Għad m’hemmx kuxjenza qawwija biżżejjed dwar kemm il-kura tal-annimali li jgħixu magħna qed iżżid fl-importanza,
QRATI U NEGOZJI
Studju ippublikat dax-xahar mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) jiffoka fuq il-problema tad-dewmien fil-qrati, did-darba mil-lat ta’ kif joħloq problemi meta kumpanija kummerċjali tfalli u trid tiġi jew riorganizzata jew xolta. Id-dewmien fil-qrati joħloq inċertezzi kbar u jkompli jdaħħal nuqqas ta’ fiduċja fil-klima ekonomika tal-pajjiż.
Ir-rapport jirrikonoxxi u jfaħħar l-isforzi li saru biex is-sistema fil-qrati kummerċjali tiġi riformata, fost affarijiet oħra b’titjib fl-operat tal-qrati, fin-numru ta’ staff imħarreġ biex jgħin lill-ġudikanti, u fil-finanzjamrent tal-qrati. Biss jikkonkludi wkoll li dan għadu mhux biżżejjed. Jemfasizza kif il-proċeduri li bihom jimxu l-qrati għadhom wisq antikwati u tqal. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu modernizzati.
Id-dubju jqum: Jekk għadhom qed jinħolqu d-dubji dwar kif il-qrati jittrattaw ix-xoljiment ta’ azjendi li fallew, x’jista’ qed jiġri f’kawżi fejn azjendi differenti jkollhom xi tilwima bejniethom jew/u mal-gvern?

