Tuesday, December 24, 2024

Prezzijiet mhux stabbli tal-enerġija huma ta’ dannu għall-ekonomija

Aqra wkoll

L-akbar telf u saħansitra staġnar fit-tul, l-ekonomija tal-pajjiż iġġarrabhom meta l-prezzijiet tad-dawl, u anke tal-ilma, tal-gass, tad-diesel u l-petrol, jogħlew minn xahar għal xahar mingħajr l-ebda ħjiel ta’ stabbiltà.  Il-Gvern preżenti dan għarfu sa mill-bidu nett u ħa deċiżjonijiet kuraġġużi biex fost l-oħrajn wettaq b’suċċess il-qalba mill-Heavy Fuel Oil għall-gass. 

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli stqarret dan bi tweġiba li tat għal-mistoqsija parlamentari li saritilha mid-deputat nazzjonalista Ivan Bartolo.

Il-Ministru Dalli kompliet spjegat kif il-qalba mill-heavy fuel oil għal gass ma għenitx biss biex jitnaqqsu l-emissjonijiet iżda wkoll biex il-Gvern, kif kien wiegħed minn qabel, raħħas il-kontijiet tal-dawl, u anke tal-ilma, għall-familji u n-negozji kollha. 

Dan is-serħan il-moħħ li ġabet magħha l-politika tal-Gvern preżenti kkontribwixxa b’mod sinifikanti għall-irkupru ekonomiku li pajjiżna tant kien jeħtieġ u grazzi għal dawn id-deċiżjonijiet għaqlin, kuilħadd seta’ jgawdi minn stabbiltà ekonomika. 

Aktar riċenti, qalet il-Ministru, hekk kif sab ma’ wiċċu t-taqlib internazzjonali u l-kriżi li ġabet magħha l-gwerra fl-Ukrajna, l-Gvern reġa’ aġixxa b’mod deċiżiv u mill-ġdid serraħ moħħ il-familji u n-negozji li l-prezzijiet tad-dawl, tal-ilma, tal-gass, tad-diesel u anke tal-petrol kienu se jibqgħu stabbli. 

Bid-deċiżjoni tal-Gvern li jżomm il-prezz tal-enerġija stabbli, minn Ġnju 2021 sa Ġnju ta’ din is-sena ingħataw aktar minn €766 miljun f’għajnuna għal dan is-settur. Fuq dawl biss, in-negozji u l-familji ffrankaw aktar minn €615-il miljun. 

Li ma kienx għal din il-politika ta’ stabbiltà, kieku l-familji Maltin u Għawdxin illum qegħdin iħallsu d-doppju f’kontijiet tad-dawl. Għalhekk li għas-sena d-dieħla l-Gvern se jiddedika €350 miljun oħra biex il-prezzijiet tad-dawl, tal-fuel u taċ-ċilindri tal-gass jibqgħu stabbli.

“Konna, għadna u se nibqgħu innovattivi, proattivi u deċiżivi. L-isfidi li qed iġġib magħha t-tibdil fil-klima u d-domanda, dejjem togħla, għall-elettriku se nkomplu nindirizzawhom ukoll, kemm f’dik li hija ġenerazzjoni, kemm fid-distribuzzjoni u anke fejn tidħol l-affordabilità għall-konsumatur”. 

Din hija ċ-ċertezza li f’dawn l-aħħar snin żammitna ‘l bogħod minn telf ekonomiku jew saħansitra riċessjoni. Din hija ċ-ċertezza li kontinwament baqgħet tagħti lilpajjiżna stabbiltà ekonomika. Din hija ċ-ċertezza li tagħti s-serħan il-moħħ lill-poplu u n-negozji ta’ pajjiżna, temmet il-Ministru Miriam Dalli.

Ekonomija

Sport