Friday, December 20, 2024

Prijorità akbar ‘il mixi

Aqra wkoll

Għadha mhix daqstant fil-kultura tagħna li biex nivvjaġġaw minn post għall-ieħor, anki meta d-distanza hija waħda qasira, nagħmlu dan il-mixi. Il-mixi, minkejja li huma l-aktar mezz ta’ trasport nadif, irħis (għax b’xejn), u tajjeb għas-saħħa tagħna, għadu mhux l-għażla naturali biex nagħmlu l-qagħdi tagħna, anki fl-istess lokalità. 

Biex ngħidu kollox, l-ambjent tal-madwar ma jgħinx biex persuna tibdel il-ħsieb jew id-drawwiet tagħha għaliex ċertu deċiżjonijiet, kemm fuq livell kif ukoll nazzjonali, kultant inżommu lura milli neħduhom għaliex nibżgħu mill-oppożizzjoni li jistgħu jsibu xi residenti, li jkunu draw jew aħjar jippreferu l-‘istatus quo’.

Ċerti deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu huma wkoll ta’ natura infrastrutturali u ħafna drabi, ġġib il-proġett jiswa aktar milli kieku ċertu interventi ma jsirux.

Dell, Siġar, Ħdura

Biex wieħed jagħżel li jimxi, irridu naraw li noffru esperjenza sabiħa għal dak li jkun. Bankini dojoq li kemm kemm tgħaddi persuna waħda minn fuqhom, oħrajn b’arbli f’nofshom jew kurduna tiela’ u nieżla, jew inkella materjal li ma jkunx tajjeb jew sigur biex timxi fuqu f’temp imxarrab, ċertament ma jgħinux il-każ. 

Hemm fatturi oħra però li wkoll ixekklu milli dan isir. F’pajjiż sħun bħal tagħna, jekk irridu nies jimxu, irridu naraw li nimmitigaw dawn il-fatturi.

Kulħadd jaf il-kontribuzzjoni pożittiva li s-siġar jagħtu l-ambjent urban. Dawn jipprovdu kenn mix-xemx, jgħinu għal arja aktar nadifa, jagħtu dehra ferm isbaħ, jgħollu l-valur tal-ambjent ta’ madwarhom u fuq kollox jipprovdu esperjenza sabiħa bħal min irid jimxi.

Barra dan iżda, is-siġar, bid-dell li jipprovdu, ibaxxu t-temperatura fl-inħawi fejn ikunu. Id-dell jagħti rifreskar kontra s-sħana li jagħmel it-tarmak sewdieni tat-triq, li jogħlli t-temperatura fit-triq. F’pajjiżi bħal Malta, li jkollna toroq illenejati b’siġar kbar li jipprovdu kenn mix-xemx, huwa kruċjali jekk tassew irridu nħajru n-nies jimxu. 

Is-siġar mhux biss jipprovdu d-dell, jagħtu dehra aħjar liż-żona fejn ikunu imma wkoll joffru ‘buffer’ bejn il-vetturi fit-triq u n-nies li qed jimxu fuq il-bankina. ‘Buffer’ li jagħti sens ta’ sigurtà, jissepara l-faċċati tad-djar mit-triq u l-vetturi, imma wkoll inqassu l-istorbju u l-ħsejjes għaliex iservu wkoll bħala ‘noise reduction’ mill-istess vetturi.

Ghaldaqstant, jekk irridu verament li n-nies jibdew jaħsbu b’mod differenti u jħallu l-vetturi tagħhom id-dar biex jagħmlu qadi f’distanzi qosra mid-djar tagħhom, dan huwa fattur importanti li rridu nħarsu lejh u nippjanaw bis-serjetà. 

Is-siġar mhux biss jipprovdu d-dell, jagħtu dehra aħjar liż-żona fejn ikunu imma wkoll joffru ‘buffer’ bejn il-vetturi fit-triq u n-nies li qed jimxu fuq il-bankina. ‘Buffer’ li jagħti sens ta’ sigurta, jissepara l-faċċati tad-djar mit-triq u l-vetturi, imma wkoll inqassu l-istorbju u l-ħsejjes ghaliex iservu wkoll bħala ‘noise reduction’ mill-istess vetturi.

Għażla ta’ toroq ideali għall-mixi

Huwa meħtieġ u neċessarju li jkunu iddentifikati toroq disenjati għal mixi, li jkunu jagħtu identità lil-lokal. Dan iwassal biex jagħti opportunità lill-Kunsilli Lokali sabiex jagħmlu l-lokalitajiet tagħhom aktar attraenti u mixtieqa biex in-nies jgħixu fihom.

Wara li jiġu magħżula dawn it-toroq, wieħed imbgħad irid jifhem u jippjana l-livell ta’ pedonalità li jkun jixtieq f’kull triq partikolari magħżula, u x’inhu possibbli jsir. 

Jekk se mmorru għal dak li għidna qabel dwar is-siġar u l-linejament bihom tat-toroq, irridu naraw hux meħtieġ immaniġġjar ta’ traffiku ġdid; hux se nżommu triq b’żewġ karreġġjati opposti jew ikun hemm karaġġjata wahda għall-vetturi u l-oħra għal mod alternattiv ta’ trasport, biex b’hekk isir dak li hu meħtieġ fuq il-bankini biex in-nies jitħajjru jimxu. Dan ifisser li t-triq tkun qed tiġi użata minn modi alternattivi ta’ trasport b’mod sigur u bla xkiel għal kull mezz individwali. B’hekk ukoll, inkunu qed nagħtu l-istess prijorità u aċċessibbiltà kemm lil dawk li jridu jagħmlu użu mill-vettura kif ukoll dawk li jridu jagħmlu użu mir-rota, mixi jew mezz ieħor ta’ trasport.

Dan kollu jiddependi kemm għandna rieda politika fuq livell lokali li nibdlu l-affarijiet. Kemm għandna aptit inċaqilqu dak li stagħġna l-lokalitajiet tagħna. Tibdil simili jrid jibda mill-qalba tal-lokalitajiet u biex isiru irridu nħarsu lejn dak li jaqbel lill-lokalita u mhux lill-individwu li qed imexxi kunsill, president ta’ każin tal-banda jew kumitat ta’ għaqda lokali. 

Huwa meħtieġ u neċessarju li jkunu identifikati toroq disinjati għall-mixi, li jkunu jagħtu identità lil-lokal. Dan iwassal biex jagħti opportunità lill-Kunsilli Lokali sabiex jagħmlu l-lokalitajiet tagħhom aktar attraenti u mixtieqa biex in-nies jgħixu fihom.

Modi differenti ta’ użu fil-lokalitajiet

Il-fatt li ftit jew xejn kellna mizuri dwar il-parkeġġ sabiex nindirizzaw l-isfida taż-żieda dejjem tikber tal-vetturi fit-toroq tagħna, renda l-lokalitajiet, speċjalment dawk żghar, mhux daqstant interessanti, li wassal biex negozji ċkejknin li kienu jagħtu servizz fil-lokalita’ (grocer tal-kantuniera), jew jagħlqu jew joħorġu ‘l barra mill-qalba tar-raħal. Dan wassal biex anki jekk trid tixtri xi ħaġa żgħira ħafna tal-merċa, trid bilfors taqbad il-vettura privata, flokk tmur għaliha bil-mixi għax issib viċin min jipprovdi s-servizz.

In-nies jagħżlu li jimxu meta huwa konvenjenti li jagħmlu dan. Din il-konvenjenza tiġi meta jkun hemm ippjanar serju u propju, li joħloq bilanċ bejn il-bżonnijiet li tista’ timxi għalihom u oħrajn li aktar ‘il bogħod. Irridu niftakru li ħafna mill-lokalitajiet tagħna huma mibnija madwar spazju urban ristrett li ħafna drabi ma jkun ikbar minn żewġ kilometri kwadri. Ħafna minn dwn l-irħula għandhom żbilanċ fl-użu tagħhom u dan jista’ jibda jsir biss jekk ikun hemm aġġustar tal-‘policies’ tal-ippjanar.

Bliet u rħula kompatti jikkonsistu f’distanzi qosra b’densità għolja ta’ residenzi u servizzi mħallta. Huma bbażati fuq sistema ta’ trasport pubbliku effiċjenti u ‘layout’, disinn, li jinkoraġġixxi n-nies jimxu jew isuqu r-rota. Għalhekk irridu nibdew nisfruttaw aħjar il-kunċett ta’ densità fl-irħula tagħna biex naraw li jkun hemm bilanċ bejn il-bżonnijiet u servizzi li hemm bżonn jiġu offruti imma wkoll il-modalità meħtieġa biex wieħed ikollu l-għażla ta’ modi differenti u alternattivi ta’ trasport. Dan iwassal ukoll għal titjib fil-kwalita’ tal-ħajja. 

Dan jagħti nifs ġdid u opportunitajiet ġodda anki lill-komunità tan-negozju, li b’bilanċ, ikollha aktar fejn timraħ u toffri servizz aħjar f’ambjent aktar pjaċevoli.

Meta wieħed jikkonsidra r-realtà li kellna niffaċċjaw permezz tal-pandemija fl-2019, li jkollna bliet u rhħla tajbin għall-mixi kienet kruċjali. Li nipprovdu s-servizzi li għandhom bżonn in-nies f’ distanza li tista’ timxi huwa kien u huwa kruċjali. Dan jipprovdi ambjent sigur u jagħti serħan ‘il moħħ. Huwa essenzjali li ma jsirux proġetti li jaqsmu lokalità li permezz t’hekk wieħed irid bilfors juża l-vettura tiegħu biex jasal. Dan qed joħloq konġestjoni ta’ traffiku, arja aktar maħmuġa u dewmien fit-toroq li jissarraf f’telf ta’ flus u nuqqas ta’ produttività. 

Biex nottjenu dan, irridu niddepartixxu minn pjanijiet qosra u mhux ħolistiċi. Dan ukoll fil-viżjoni tal-Gvern li ntejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħna. Irid ikun hemm deċiżjonijiet aktar koerenti, aktar stakeholder involuti fit-teħid tad-deiċiżjonijiet.

Dan ifisser ukoll li min illum jgħid mod u għada jgħid xort’ oħra biex ikun popolist, ma jistax jittieħed bis-serjetà. Wegħdiet fil-vojt li tagħti eluf ta’ flus lil min iċedi l-liċenzja tas-sewqan imbgħad inti stess ma tkunx lest tagħmilha, mhix kredibbli. Dan huwa suġġett li ma jistax jiġi politiżat biex forsi jintrebħu xi punti politiċi. Dan huwa suġġett li għandu jiġi ttekkiljat minn min għandu l-ħiliet meħtieġa relatati miegħu.

Ekonomija

Sport