Wednesday, December 25, 2024

Prijorità għal eżamijiet mediċi lill-vittmi ta’ vjolenza domestika akkumpanjati mill-Pulizija

Aqra wkoll

Bi qbil bejn l-awtoritajiet tas-saħħa, il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika u l-Pulizija, il-vittmi tal-vjolenza domestika qegħdin jingħataw prijorità meta jkunu akkumpanjati mill-Pulizija biex jiġu eżaminati mill-professjonisti mediċi fiċ-ċentri tas-saħħa jew fl-Isptar Mater Dei.

Il-Ministru għas-Saħħa u Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, saħaq li huwa xieraq li persuni li jkunu qegħdin isofru ġrieħi fiżiċi kif ukoll mentali, kawża ta’ vjolenza domestika, jirċievu attenzjoni u faraġ minnufih. Ħeġġeġ lill-impjegati biex ikunu dejjem ta’ sostenn u rringrazzjahom tad-dedikazzjoni u s-sensittività tagħhom.

“Żvilupp importanti”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi,  Rebecca Buttigieg,  qalet li dan huwa żvilupp importanti għax b’hekk il-vittmi tal-vjolenza domestika li jkunu akkumpanjati mill-Pulizija qegħdin ikunu ttrattati b’aktar sensittività u b’akbar effiċjenza.

Hija saħqet fuq l-importanza li t-trattament, il-kura u ċ-ċertifikati mediċi dwar il-konsegwenzi tal-aggressjoni li l-vittmi jkunu sofrew jinħarġu mill-iktar fis possibbli għax dawn iservu ta’ prova fil-proċeduri tal-Qorti.

Għalkemm mhux il-każijiet kollha ta’ rapporti ta’ vjolenza domestika jkunu jeħtieġu li jkunu riferuti għal viżta fl-isptar jew fiċ-ċentru tas-saħħa, fuq medda ta’ erba’ xhur ikun hemm medja ta’ madwar 30 każ li fihom vittmi ta’ vjolenza domestika jiġu invistati fiċ-Ċentri tas-Saħħa jew fl-Isptar Mater Dei.

Il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, Samantha Pace Gasan, uriet apprezzament għal dan l-arranġament milħuq fejn qalet li bih se titnaqqas ukoll l-istigma li l-vittmi jsofru meta akkumpanjati mill-Pulizija kien ikollhom jistennew wara pazjenti oħra sakemm jingħataw is-servizz.

Ekonomija

Sport