Sunday, October 27, 2024

“Prijorità lill-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini f’Malta”- Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-GWU

Aqra wkoll

“Il-proposti tagħna huma xprunati mill-idea li l-pajjiż għandu bżonn viżjoni u pjan nazzjonali ħolistiku għall-pajjiż kollu għal xogħol ta’ kwalità u kundizzjonijiet ta’ xogħol mill-aqwa li jwasslu għall-mobbilità soċjali għal kulħadd.” 

“L-oqsma li l-General Workers’ Union iffokat fuqhom fil-proposti tal-Baġit għas-sena 2025 huma sitta. Il-qagħda tal-ekonomija Maltija u t-tkabbir ekonomiku li nemmnu li l-benefiċċji li joħorġu minnu għandhom ikunu mifruxa fost il-membri kollha tas-soċjetà Maltija biex kulħadd jimxi ‘l quddiem. Dan it-tkabbir għandu jkompli jsostni x-xibka ta’ servizzi soċjali bħal childcare b’xejn, pensjonijiet, trasport tal-iskola b’xejn u għajnuniet oħra. Il-Gvern għandu jkompli bis-sussidji tad-dawl, ilma,  u fjuwil u ikel,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Josef Bugeja.

“Fejn jidħol il-qasam tax-xogħol, il-GWU tinsab kuntenta li l-Gvern se jwettaq waħda mill-proposti li kienet ilha tisħaq fuqha, dik ta’ ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur. Nilqgħu wkoll il-konferma min-naħa tal-gvern li se ssir diskussjoni wiesgħa dwar is-sħubija awtomatika fi trejd unjin tal-għażla tal-ħaddiem. Tlabna li ssir rifużjoni tal-liġi tax-xogħol u liġijiet sussidjarji. Tlabna wkoll li l-COLA ma tkunx taxxabli, u l-overtime kollu jkun taxxat bħall-part time. 

“Nipproponu wkoll governanza tajba għal funzjoni ġusta u effettiva tas-soċjetà, jonqsu t-taxxi u tax bands usa, żieda fil-pensjonijiet kemm dawk kontributorji kif ukoll non-kontributorji, proposti dwar skemi kollettivi ta’ Pensjoni Privata u żieda fil-fondi fil-qasam tal-housing soċjali u aktar.”

Għall-ġid tas-soċjetà l-GWU tipproponi fost oħrajn li jissaħħu wħud mill-iskemi biex jinkoraġixxu aktar l-użu ta’ trasport alternattiv, żieda ta’ aktar skemi ‘ħodor’, żieda fir-rata ta’ ħidma filgħaxija fit-toroq u investiment sostanzjali fil-qasam tad-drenaġġ, ilma u sistemi oħra vitali.

Minħabba li naraw il-ħaddiem b’mod ħolistiku u allura anke barra l-post ta’ xogħol, għamilna proposti għal ambjent aħjar, lokalitajiet aktar nodfa u sbieħ. Għamilna proposti dwar l-ugwaljanza u integrazzjoni. 

Fil-qasam taż-żgħażagħ u l-edukazzjoni Bugeja semma’ li għandu jkun implimentat programm strutturat ta’ internship u traineeship fuq l-istess mekkaniżmu ta’ ħlas tal-apprentistat, tkun estiża l-iskema Get Qualified u jerġgħu jinfetħu istituzzjonijiet Vokazzjonali u ta’ Taħriġ. Kif ukoll ma jibqax isir ħlas għall-permess tax-xogħol għall-istudenti refuġjati f’pajjiżna.

“Għall-gżira Għawdxija l-GWU temmen li għandhom jiġu ppreservati l-karatteristiċi distinti tagħha biex b’hekk tibqa’ żżomm l-attrazzjonijiet partikolari li għandha. Tisbiħ fil-ġonna u l-ispazji pubbliċi, żieda fl-investiment għar-rijabilitazzjoni tal-widien, l-iżviluppi ġodda jkunu jinkorporaw bjar fejn jilqgħu l-ilma tax-xita, u jkomplu jaċċelleraw fil-ħidma tal-airfield, kif ukoll żieda fl-investiment fil-bini ta’ diversi toroq, u rinnovar ta’ diversi oqsma ta’ użu mill-pubbliku in ġenerali.

“Hekk kif il-GWU tinsab fil-qalba tat-trasformazzjoni soċjo-ekonomika ta’ Malta, hekk ukoll issawwar il-politika bi proposti li jagħtu prijorità lill-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini f’Malta, biex b’hekk tiżgura li jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar, għal soċjetà aktar ġusta u inklussiva.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport