L-ewwel privatizzazzjoni li saret f’Malta kienet tax-xogħlijiet publiċi. Bdew jingħataw b’sejħa għall-offerti jew b’kuntratt dirett lis-settur privat. Gradwalment, id-dipartiment konċernat iżżarma mill-biċċa l-kbira tal-personnel tiegħu. Aktar sar uffiċċju minn fejn jiġu organizzati l-proġetti biex jitqassmu f’sejħa għall-offerti.
Dal-proċess kellu jservi biex il-gvern inaqqas mill-ispejjeż rikorrenti tiegħu u jevita l-ħala u s-serq fit-tmexxija tax-xogħlijiet; u biex jitħaffef it-twettiq tal-proġetti, tittejjeb il-kwalità tax-xogħol, jinqata’ t-tul żejjed meħud minn proġetti li jinbdew bla qatt jitlestew fil-ħin, tiddaħħal reqqa akbar fil-konsiderazzjoni mogħtija lill-bżonnijiet taċ-ċittadini u l-familji.
Dan għax peress li negozju privat irid jikkompeti ma’ negozji oħra fl-istess qasam u jeħtieġlu jagħmel profitt biex jibqa’ fil-wiċċ, bilfors se jkun aktar effiċjenti u serju minn dipartiment tal-gvern imgħobbi b’ħaddiema żejda, b’indħil politiku, bil-klijenteliżmu u bl-ineffiċjenzi.
Madankollu, kull ma ntqal li se jiġri bil-privatizzazzjoni tax-xogħlijiet publiċi ma seħħx.
PERMESSI
Il-proposti tal-gvern għal bidliet radikali fil-ħruġ u t-tmexxija tal-permessi tal-bini kienu tal-akbar diżappunt fuq żewġ livelli: tal-kontenut tal-proposti, u ta’ kif tħejjew u twasslu lill-poplu.
Il-kontenut l-ewwel: Il-proposti jiġbdu bla ebda riżerva l-karru tal-iżviluppaturi tal-bini. Jinjoraw u jikkuntradixxu l-ħtieġa ta’ aktar kawtela fil-mod kif l-art u l-binjiet jiġu żviluppati. Ixejnu l-qawwa taċ-ċittadini u tal-qrati biex jirreżistu l-abbużi. Jikkuntradixxu dak li l-gvern innifsu jgħid dwar il-ħarsien tal-ambjent naturali u storiku.
Il-preżentazzjoni mbagħad: Bil-maqlub tas-sengħa publiċitarja li l-gvern soltu juża biex ivara miżuri ġodda, did-darba ta dehra li ried iwettaq kollox bil-ħatfa, minn taħt u wara dahar kulħadd ħlief tal-iżviluppaturi. Ir-retorika dwar il-bżonnijiet ta’ familji maqbuda fi kriżijiet kanċerużi nħasset fjakka u żlugata. Dan kollu tappan il-kisbiet ta’ gvern li hu bil-wisq aħjar milli jippretendu dawk li jopponuh.
L-agħar gwaj hu li qed tingħata l-impressjoni, x’aktarx minnha, li rġajna lura lejn is-snin disgħin tas-seklu l-ieħor, meta l-barunijiet tal-kostruzzjoni kienu ħobża u sikkkina mal-gvern ta’ Fenech Adami.
ABORT U ĦABS
Veru tal-mistħija. Mara li għamlet abort billi ħadet mediċina maħsuba għalhekk ġiet ikkundannata l-ħabs (b’mod sospiż). Ir-rapport dwarha sar mill-isptar fejn marret għall-kura minn kumplikazzjonijiet li ġarrbet. Kollox sar skont il-liġi minn kulħadd – tobba, pulizija, ġudikanti – ħlief minnha li effettivament eżerċitat dritt bażiku fuqha nnifisha.
Anke jien domt is-snin biex nara u nifhem l-ipokrisiji istituzzjonali li bihom bqajna sal-lum, nittrattaw is-suġġett tal-abort. Imma li bil-qdusija kollha tagħna, miżmuma privata, mistqarra publikament jew ixximjottata għadna nittolleraw li l-att ta’ abort maqbul minn mara fil-każ personali tagħha jiġi kriminalizzat hu tebgħa enormi fuq il-pajjiż, jgħidu xi jgħidu s-sanedrini kollha tal-qdusija.