Saturday, December 28, 2024

Probabbiltà li l-prezzijiet li għolew ma jerġgħux imorru għal li kienu

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-gwerra fl-Ukrajna qiegħda taffettwa bil-qawwi ż-żieda fil-prezzijiet ta’ prodotti u servizzi u sussegwentement il-konsum. Dan fuq skala kemm globali, kif ukoll lokali. L-instabilità u l-inflazzjoni qiegħda taffettwa lil kulħadd inkluż lin-negozjanti tagħna li jaqilgħu l-għixien tagħhom proprju mill-attività kummerċjali li jmexxu. F’xenarju li ra u għadu jara tibdiliet u sfidi kbar minħabba l-pandemija tal-Covid-19 u issa din il-gwerra, Talk.mt tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs, Abigail Mamo. Filwaqt li Mamo qaltilna li Malta ftit għandha kontroll fuq din il-problema u mn’alla kien il-Gvern li ssussidja ċerti affarijiet bażiċi, qalet ukoll li hemm probabbiltà li l-prezzijiet li għolew, se jistabbilizzaw ruħhom u għaldaqstant ma jerġgħux imorru għal li kienu.

Il-Kamra tal-SMEs riċentement għamlet stħarriġ biex tara x’inhuma l-affarijiet li qegħdin jinkwetaw l-aktar lin-negozji tagħna u rriżulta li ż-żieda fil-prezzijiet hija l-aktar waħda li rrimarkawlhom fuqha. “L-impatt tal-gwerra fl-Ukrajna fuq il-prezzijiet u anke fuq il-kunfidenza tal-konsumatur hija xi ħaġa li qegħdin niffaċċjaw ta’ kuljum. Din hija sitwazzjoni serja u ta’ inkwiet kbir għan-negozji lokali,” bdiet tispjega Mamo.

Nistennew, naraw u nittamaw…

Mamo qaltilna li ta’ kuljum in-negozji jibagħtulhom emails mis-suppliers tagħhom fejn jgħidulhom kif se jerġa’ jiżdied il-prezz tal-prodotti. “Hemm min bħala suppliers anke jikkwotaw iż-żieda li tkun relatata speċifikament mal-gwerra fl-Ukrajna. Dan jiġifieri din hija problema li qegħdin jgħixu b’mod kostanti,” qalet imħassba l-Kap Eżekuttiv.

Barra minnhekk, il-Kamra tal-SMEs qiegħda tara nuqqas ta’ kunfidenza fost il-konsumaturi u dan minħabba li, “rigward din il-problema, ma tantx hemm x’jista’ jsir. L-unika ħaġa li wieħed jista’ jagħmel huwa li jistenna, jara u jittama li l-gwerra fl-Ukrajna tgħaddi malajr kemm jista’ jkun”. 

Hija qalet li sfortuntament, s’issa, jidher li din il-gwerra mhiex f’livell avvanzat biex tgħaddi. Din il-kriżi qiegħda taffettwa ħafna wkoll lil dawk in-negozji li kellhom xi proġetti. Dan minħabba li għalihom l-ispejjeż se jiżdiedu ħafna tant li se jiswewhom ħafna aktar flus milli antiċipaw. 

Sfida oħra hija dik li qegħdin jiffaċċjaw ċerti setturi fejn infurmaw lill-Kamra li l-ibbukjar ta’ avvenimenti beda riesaq lejn in-normalità iżda għadhom lura. Mamo spjegat li, “dan minħabba li n-negozji jiddependu mill-konsumatur u dan tal-aħħar qisu għadu qiegħed jara x’inhu jiġri minħabba li l-prezzijiet għadhom jogħlew. L-impatt huwa wieħed kbir u l-akbar instabbilità hija dik li ma jafux meta se tispiċċa din il-gwerra. Malta għandha limitazzjonijiet dwar x’tista’ tagħmel f’sitwazzjoni bħal din”. 

Suq vulnerabbli dipendenti fuq l-importazzjoni

Bħala prodotti li ġew affetwati ħafna u b’mod immedjat huma ż-żejt tal-ikel, ħadid u ċereali, prodotti li l-Ukrajna kienet il-pajjiż ewlieni li tfornihom. “Imma mbagħad litteralment ġie affetwat kollox… kull fejn tmiss,” sostniet Mamo fejn żiedet li, ”din mhiex xi ħaġa li bdiet issa iżda issa kompliet tiggrava. Waqt il-Covid-19 bdejna naraw ċertu żidiet fil-prezzijiet li jaffetwaw il-prodotti kollha fosthom hemm spejjeż relatati mal-merkanzija u mal-loġistika. Dan bdejna narawh mill-aħħar tas-sena 2020 u kompla jitla’ ħafna aktar. Meta mbagħad mal-kumplikazzjonijiet kompliet tiżdied il-gwerra fl-Ukrajna, il-prezz kompla jitla’ ħafna aktar”.

Hija qalet li kulħadd jaf li Malta hija dipendenti fuq l-importazzjoni u għaldaqstant qegħdin ikunu affettwati l-prodotti kollha. “Barra ż-żieda fil-prezzijiet, in-negozji qegħdin isibuha diffiċli biex isibu għadd ta’ prodotti minħabba li hemm livell ta’ skarsezza. Din il-problema wkoll hija ta’ tħassib ewlieni għan-negozjanti Maltin,” spjegat il-Kap Eżekuttiv tal-SMEs. 

Fl-opinjoni tagħha, din hija problema li pajjiżna għandu kontroll limitat fuqha. Dan minħabba li ħafna mill-prodotti ma nipproduċuhomx aħna u s-suq tagħna huwa dipendenti fuq l-importazzjoni. F’dan ir-rigward Mamo qalet li, “hemm ċerti prodotti mhux sostenibbli li ma nipproduċuhomx aħna imma din is-sitwazzjoni tagħmilna vulnerabbli ħafna fi krizi bħal din”. 

“Il-Gvern qed jagħmel ħafna avolja l-prezzijiet qegħdin jogħlew”

Mistoqsija x’jista’ jsir, Mamo qaltilna li aħna, per se, limitati ħafna dwar x’nistgħu nagħmlu. “F’din iċ-ċirkostanza il-Gvern qiegħed jagħmel ħafna avolja aħna qegħdin naraw il-prezzijiet il-ħin kollu jogħlew b’mod kostanti, ta’ kuljum u b’mod xokkanti. Fil-verità dawn il-prezzijiet qegħdin ikunu mitigati ħafna mill-Gvern. Dan għax meta gvern jissussidja prodotti bażiċi bħal fost l-oħrajn il-fuel li jaffettwa l-enerġija, kif ukoll sussidju fuq l-importazzjoni ta’ ċereali u dqiq, dan ikun qiegħed jidħol għal ċertu żidiet li kieku kienu jaffettwaw b’mod immultiplikat u jinfirex fuq ħafna prodotti oħra,” spjegat Mamo. 

Hawnhekk il-Kap Eżekuttiv tal-SMEs ikkwotat l-istatistika fejn Malta qiegħda turi li avolja l-inflazzjoni tiela’, din qiegħda titla’ b’mod gradwali meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra. “M’aħniex l-aktar pajjiż li qiegħed jirnexxielna nżommu kontroll fuq l-importazzjoni, iżda aħna wieħed mill-pajjiżi medji li qiegħed jirnexxielna nżommu kontroll”.

Biex wieħed jantiċipa kif se jiżvolgi x-xenarju mhiex ħaġa faċli. Abigail Mamo temmen li dan jiddependi ħafna fuq x’se jiġri fil-ġimgħat li ġejjin fid-diskussjonijiet li qegħdin isiru biex tintemm il-gwerra fl-Ukrajna. “Sfortunatament, s’issa, l-affarijiet għadhom jidhru kkomplikati ħafna. Dan ifisser li s’issa m’għandna xejn fuqhiex nibbażaw li se jkun hemm xaqq dawl u avolja din il-gwerra eventwalment tasal biex tieqaf, probabbilment il-prezzijiet jistabilizzaw ruħhom. Iċ-ċans huwa li l-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi li għolew ma jerġgħux imorru għal li kienu,” aċċennat Mamo. 

Bżonn li Malta tipproduċi prodotti bażiċi

Aktar milli miri fl-immedjat, il-Kamra tal-SMEs qiegħda tara dawk li jistgħu jilħqu fil-medium u fil-long term. Mamo qalet li l-għan għandu jkun li nipprovaw li Malta ma terġax tiġi f’sitwazzjoni daqshekk vulnerabbli. Spjegat li, “dan jista’ jsir billi naraw li Malta xorta tipproduċi ċerti prodotti bażiċi avolja wħud minnhom ikunu prodotti li mhumiex sostenibbli li tipproduċihom lokalment. Hawnhekk għandna bżonn l-għajnuna tal-Gvern. Jekk hemm bżonn jirrikorri għand l-Unjoni Ewropea biex ikun jista’ jagħmel il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti vijabbli f’Malta”. 

Hija qalet li huwa importanti li mhux biss inħarsu lejn il-kompetittività ta’ dawn il-prodotti u kemm jaqblilna nipproduċuhom lokalment, imma li f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi dawn il-prodotti jkunu jistgħu jgħinuna ħafna ħalli nżommu livell ta’ stabbiltà f’pajjiżna. 

“Bl-istess mod qegħdin imorru għand il-Gvern ħalli jappella lill-UE biex bħala blokk, ikun ukoll indipendenti u kapaċi jfendi għal rasu aktar milli jiddependi fuq swieq li huma volatili ħafna bħalma hija r-Russja u postijiet oħra. Il-blokk tal-UE għandu jkun aktar b’saħħtu f’dan ir-rigward,” wissiet din il-Kap Eżekuttiv.

Il-futur tan-negozji u l-but tal-konsumatur

Bħalissa n-negozji qegħdin jaraw jistgħux ifittxu alternattivi minn fejn jistgħu jimpurtaw prodotti bi prezzijiet aktar kompetittivi imma, peress li l-gwerra fl-Ukrajna affetwat fuq livell globali, kull fejn qegħdin idawru wiċċhom qegħdin jaraw li l-prezzijiet xorta waħda qegħdin ikunu ogħla. 

“Jixtiequ jagħmlu ħafna imma mhiex sitwazzjoni fejn jistgħu jagħmlu wisq. Fil-fatt, parti miż-żieda qegħdin jaraw kif jistgħu jassorbuha huma imma issa wasalna f’livelli li din ma tistax tibqa’ tiġi assorbita minnhom,” insistiet Mamo. 

Mistoqsija jekk kienx hemm jew jaħsbux li se jkun hemm negozji li jkollhom jagħlqu minħabba din is-sitwazzjoni, Mamo qalet li n-negozji bħalissa għandhom diffikultà minħabba li jixtiequ jibqgħu kompetittivi, kif ukoll jixtiequ jaqdu u jifhmu lill-klijenti li qegħdin jitilfu l-kunfidenza fil-konsum, imma jidher li n-negozju ma tantx hemm x’jistgħu jagħmlu. 

“Wieħed qiegħed jipprova jżomm sod sakemm jgħaddi l-agħar tal-gwerra fl-Ukrajna. S’issa l-biżgħa li hemm fost in-negozji lokali hija dik li mhux se jkunu jistgħu jibqgħu kompetittivi u li l-prodotti tagħhom ma jkunux għall-but tal-konsumatur. Però, s’issa, mhumiex jgħidulna li din il-kriżi se twassalhom biex jagħlqu n-negozju tagħhom,” temmet b’nota pożittiva Abigail Mamo. 

Ekonomija

Sport