Saturday, May 4, 2024

Biden iwissi dwar implikazzjonijiet globali bil-gwerra fl-Ukrajna

Aqra wkoll

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden f’laqgħa li kellu mal-alleati Ażjatiċi qal li fil-preżent id-dinja għaddejja minn perjodu mdallam, u dan minħabba l-invażjoni Russa ġewwa l-Ukrajna. Biden qal li llum il-ġurnata din il-gwerra saret “kwistjoni globali” u saħaq dwar l-importanza li niddefendu l-ordni internazzjonali.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru tal-Ġappun Fumio Kishida esprima l-istess sentiment ta’ Biden u qal li l-invażjoni simili qatt m’għandha seħħ ġewwa l-Ażja – kumment possibbilment intenzjonat lejn iċ-Ċina. 

Fil-preżent, Biden qiegħed jiltaqa’ mal-mexxejja tal-Ġappun, l-Awstralja u l-Indja liema laqgħa qiegħda ssir ġewwa Tokjo u hija l-ewwel waħda tiegħu fl-Ażja bħala President. Dawn l-erba’ pajjiżi – li kollettivament huma magħrufa bħala Quad – qed jiddiskutu s-sigurtà taż-żona, it-tħassib ekonomiku u anke l-influwenza dejjem tikber taċ-Ċina f’dan ir-reġjun.

Dawn l-aħħar kummenti ta’ Biden saru ġurnata biss wara li huwa wissa liċ-Ċina li din qiegħda tilgħab man-nar dwar it-Tajwan. Biden wiegħed li l-Istati Uniti hija lesta li tipproteġi lit-Tajwan militarment jekk iċ-Ċina tiddeċiedi li tattakka. Dan kien kumment li jikkontradixxi l-politika li l-Istati Uniti ilha ssegwi f’din iż-żona għal numru kbir ta’ snin. 

Fl-ewwel rimarki tiegħu fis-summit, Biden qal li din il-laqgħa hija dwar “id-demokraziji kontra awto­kraziji. Huwa żied jgħid li l-kunflitt ġewwa l-Ukrajna se jkun qiegħed iħalli effett fuq id-dinja kollha, u l-imblokk Russu tal-qamħ Ukren se jwassal għal kriżi tal-ikel globali. Il-President Amerikan wiegħed li l-Istati Uniti se tkun qiegħda taħdem mal-alleati biex jitmexxa rispons globali ħalli b’hekk tkun imħarsa l-ordni globali. Ta’ min jgħid li s’issa, l-Indja hija l-uniku membru tal-Quad li għandha ma kkritikatx direttament l-invażjoni Russa. 

Matul din l-laqgħa, il-Quad ħabbru li se jkunu qed iniedu inizjattiva marittima ġdida li se tkun qiegħda tosserva l-attività Ċiniża fir-reġjun. B’din l-inizjattiva huma se jkunu qed jonfqu $50 biljun fuq perjodu ta’ ħames snin. 

Sport