Żagħżugħ Ingliż ta’ 22 sena residenti l-Mosta tpoġġa taħt ordni ta’ probation u kien immultat €800 wara li wieġeb ħati għal akkużi relatati ma’ theddid fil-konfront ta’ diversi uffiċjali tal-pulizija. Il-każ seħħ bejn it-8 u d-9 ta’ Frar 2022 fil-Mosta.
Iż-żagħżugħ kien mixli wkoll li kkawża ħsarat f’tieqa tal-perspex waqt li kien fil-lock-up tal-Pulizija, li kiser il-paċi pubblika, li naqas milli jobdi l-ordnijiet tal-pulizija u nsulentahom.
Qabel ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace semgħet ix-xhieda tal-uffiċjal tal-probation li segwiet lill-imputat filwaqt li kkunsidrat it-trobbija diffiċli li kellu.
Il-Qorti kkunsidrat ukoll il-kundizzjoni mentali tiegħu u l-progress li qed jagħmel biex jindirizza l-problema li għandu fosthom dawk tad-droga u l-alkoħol.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li filwaqt li sabitu ħati tal-akkużi, poġġietu taħt ordni ta’ probation u mmultatu €800. Huwa tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ trattament għal perjodu ta’ tliet snin biex jindirizza l-problema tad-droga u alkoħol li għandu.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Attard.