Sunday, December 22, 2024

Probation talli seraq żewġ karozzi u fuel

Aqra wkoll

Vincent Cucciardi ta’ 45 sena tpoġġa taħt ordni ta’ probation wara li ammetta li seraq vann tal-għamla Toyota Hilux minn Triq Luret Cutajar f’Ħaż-Żebbuġ u karozza oħra minn Triq Vjal ir-Rihan, f’San Ġwann.

Ir-raġel ammetta wkoll li seraq fuel minn ħames karozzi differenti f’Ħal Qormi u f’Ħaż-Żebbuġ, u li sar riċediv.

Il-Maġistrat Charmaine Galea, osservat li l-imputat ammetta mill-ewwel l-akkużi miġuba kontrih kif ukoll ikkopera mal-pulizija. Huwa wera x-xewqa li jagħmel il-programm biex jegħleb il-vizzju tad-droga, għalhekk il-Qorti qalet li hija disposta li tagħti ċans lill-imputat.

Madanakollu, qieset ukoll il-fedina penali tiegħu, li sfortunatament turi, li wettaq diversi reati li għal uħud minnhom serva sentenza ta’ priġunerija.

Il-Qorti poġġiet lill-imputat taħt probation għal tliet snin. F’dan iż-żmien huwa jrid jiġi segwit u għaldaqstant ħarġet ordni ta’ trattament sabiex jingħata l-għajnuna meħtieġa biex jegħleb il-vizzju tad-droga.

Huwa ġie mwissi li jekk ma jobdix dawn l-ordnijiet, jitlef l-opportunità li qed jingħata mill-Qorti bil-konsegwenzi kollha li dan jista’ jġib miegħu.

Ekonomija

Sport