Friday, December 13, 2024

Probation wara li seraq armi tal-airsoft u munizzjon

Aqra wkoll

Brandon Savona ta’ 21 sena minn Ħal Tarxien tpoġġa taħt probation għal żmien tliet snin wara li ammetta li seraq diversi armi tal-airsoft u munizzjon tal-istess armi minn maħżen fi Triq il-Merħba, il-Fgura.

Savona wieġeb ħati li bejn is-Sibt u l-Ħadd seraq dawn l-armi li jiswew eluf ta’ ewro. Huwa kien arrestat it-Tnejn filgħodu fir-residenza tiegħu, fejn instabu wkoll l-oġġetti misruqa. Il-Pulizija rnexxielha tasal għalih permezz ta’ filmati tas-CCTV u wara li sid il-maħżen kien tahom informazzjoni dwar min seta’ wettaq is-serqa..

Fil-Qorti, id-Difiża qalet li din kienet “bravata” li wettaq il-klijent tiegħu f’għeluq sninu. Tenna li l-imputat m’għandux problema tad-droga u li għandu kondotta nadifa. Qal ukoll li l-problema li għandu hi relatata max-xogħol.

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, qieset l-ammissjoni bikrija ta’ Savona u l-fatt li huwa kien irritorna l-oġġetti kollha misruqa. 

Waqt li poġġietu taħt ordni ta’ probation, il-Qorti wissietu li jrid joqgħod għal dak li tgħidlu l-uffiċjal tal-probation inkella jista’ jaffaċċja sentenza ta’ ħabs. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Christina Delia u Sarah K. Zerafa. L-Avukat Lennox Vella deher għal Savona.

Ekonomija

Sport