Saturday, December 21, 2024

Proċess ta’ għażla vvizzjat fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta – l-Ombudsman 

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

…jirrakkomanda kumpens ta’ €15,000

Rapport maħruġ mill-Ombudsman Parlamentari Anthony C. Mifsud, iddeskriva l-proċess ta’ għażla ta’ Assistenti Kummissarji tal-Pulizija bħala li kien proċess ivvizzjat. Iddikjara li “ħaġa tal-iskantament kienet li l-individwi li lmentaw li kellhom il-kwalifiki u snin ta’ esperjenza bħala Supretendent m’għaddewx mill-intervista, filwaqt li applikanti oħra inklużi dawk li poġġew f’dawl ikrah u tappnu serjament l-isem tal-Korp kienu għaddew. L-Ombudsman irrakkomanda l-ħlas ta’ kumpens monetarju ta’ darba ta’ €15,000 u kkwalifika l-ħlas ta’ dan l-ammont bħala “danni morali” minħabba l-fatt li s-sejbiet tal-investigazzjoni urew li l-persuni li ilmentaw ma ngħatawx l-opportunità li jikkompetu b’mod ekwu u ġust ma’ kandidati oħra li ġew maħtura u li ma kienx jistħoqqilhom li jingħataw tali ħatra.

L-Ombudsman fir-rapport tiegħu qal li “xi supretendenti tal-Pulizija ħassew li ġew trattati ħażin fil-proċess tal-għażla għall-pożizzjoni ta’ Assistent Kummissarju. Dan wara li ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet u huma issottomettew l-applikazzjoni tagħhom. Allegaw li l-proċess ma kienx ġust u kien diskriminatorju. Kien għalhekk li sabiex jittantaw jiksbu rimedju għal din l-inġustizzja ressqu ilment quddiem l-Ombudsman.”

L-Ombudsman fir-rapport tiegħu jiddeskrivi dak li sar bħala ‘proċess tal-għażla mhux xieraq, irregolari u diskriminatorju”. Ir-rapport jgħid li “wara li sar stħarriġ bir-reqqa dwar il-proċeduri segwiti mill-Bord tal-Għażla u r-reviżjoni sussegwenti tagħhom mill-PSC, l-Ombudsman ikkonkluda li l-persuni li ilmentaw kienu sofrew inġustizzja meta m’għaddewx mill-proċess tal-għażla għall-kariga ta’ Assistent Kummissarju. Il-proċeduri segwiti mill-Bord ma kienux korretti u kellhom il-ħsieb li jwasslu għall-għażla ta’ individwi li wħud minnhom ma kienux adattati biex jokkupaw il-pożizzjoni. Il-fatti li irriżultaw mill-investigazzjoni urew b’mod konklużiv li l-proċess tal-għażla kien wieħed mittiefes u mimli difetti li wassal biex kien kaġun ta’ inġustizzja lejn il-persuni li ilmentaw. 

Filwaqt li l-persuni li ilmentaw ma kellhomx jiġu promossi bi dritt, żgur li kellhom id-dritt li jiġu trattati b’mod dinjituż permezz ta’ proċess trasparenti u regolari. F’dawn il-każijiet l-Ombudsman ma jiddeċidix u ma jistax jiddeċiedi min għandu jintgħażel jew jekk il-persuni li ilmentaw għandhomx jiġu promossi. Il-kompitu prinċipali ta’ dan l-Uffiċċju kien li jinvestiga jekk il-Bord tal-Għażla kienx aġixxa b’mod korrett matul il-proċess u dan speċjalment fir-rigward tal-persuni li ilmentaw.”

Intqal li l-Ombudsman qies li l-grad ta’ Assistent Kummissarju fil-Korp tal-Pulizija huwa wieħed importanti. Għaldaqstant il-proċess tal-għażla kellu jkun wieħed serju u rigoruż, jekk xejn minħabba l-fatt li filwaqt li fil-passat ma nħatrux aktar minn tnejn f’dan il-grad, fil-proċess tal-2016 kienu għaddew erbatax minn wieħed u għoxrin uffiċjal, li minnhom ingħataw il-ħatra tnax. L-Ombudsman esprima tħassib dwar il-fatt li l-uniku kriterju ta’ eliġibilità stabbilit fiċ-ċirkulari tas-sejħa għall-applikazzjonijiet għal din il-pożizzjoni kien li, fil-ħin u d-data tal-għeluq tas-sejħa, l-applikanti kellhom ikunu uffiċjali pubbliċi fil-grad ta’ Supretendent tal-Pulizija. Is-Supretendenti kollha fil-forza għalhekk setgħu japplikaw għall-promozzjoni ta’ Assistent Kummissarju. 

Qal li għalkemm ma kien hemm l-ebda dubju li dik id-deċiżjoni kienet approvata mis-Segretarju Permanenti, l-Ombudsman staqsa jekk din il-formula sempliċi u bażika ta’ eliġibilità kinitx korretta. Kien preokkupanti li dan ir-riżultat wassal biex wieħed mill-applikanti li kellu numru ta’ proċeduri pendenti flimkien ma’ proċeduri kriminali mressqa mill-pulizija u li fihom instab ħati, ma kienx mill-bidu nett ġie iddikjarat bħala mhux eliġibbli li japplika għall-kariga ta’ Assistent Kummissarju. Fil-fatt, bilkemm kien ilu sena li ġie promoss fil-kariga ta’ Supretendent, qabel inħatar Assistent Kummissarju fis-sejħa għall-applikazzjonijiet li dwarha tressaq dan l-ilment. 

L-Ombudsman qal li għarbel bir-reqqa ċ-ċirkustanzi kollha li wasslu għar-rapport tal-Bord tal-Għażla, il-mod kif tmexxa l-proċess u ċ-ċirkostanzi partikolari ta’ kull wieħed mill-erba’ persuni li m’għaddewx u ilmentaw. L-Ombudsman identifika difetti serji fil-proċedura li nawwru l-proċess tal-għażla. Iddikjara li “dan kien ikkwalifikat bħala eżerċizzju tal-mistħija u daħqa fil-wiċċ ta’ dak li suppost kellu jkun eżami li huwa ekwu u ġust.” 

L-Ombudsman ikkonkluda li “l-proċess tal-għażla kien minsus mill-bidu biex tiġi żgurata l-promozzjoni ta’ xi applikanti bl-esklużjoni ta’ oħrajn inklużi dawk li ilmentaw. Kien difettuż u irregolari għax kien nieqes mill-element essenzjali ta’ oġġettività meħtieġa għall-promozzjoni ta’ kandidati biex jimlew din il-pożizzjoni ta’ responsabbiltà. Ma kien hemm l-ebda spjegazzjoni oġġettiva li iġġustifikat għaliex il-persuni li ilmentaw m’għaddewx mill-intervista. Fil-fatt il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien sostna li għalih l-għażla tal-Assistenti Kummissarji kienet waħda ta’ prerogattiva personali. L-unika ġustifikazzjoni li ġab kienet li “kien jafdahom””, qal l-Ombusdman.

Dwar il-marki li ngħataw, l-Ombudsman qal li “ma seta’ jsib l-ebda raġuni biex jispjega x’wassal għan-nuqqas serju mill-kriterji stabbiliti u għall-marki li ngħataw lill-persuni li ilmentaw u li naqsu milli jgħaddu mill-intervista. Ħaġa tal-iskantament kienet li l-individwi li ilmentaw li kellhom il-kwalifiki u snin ta’ esperjenza bħala Supretendent m’għaddewx mill-intervista, filwaqt li applikanti oħra inklużi dawk li poġġew f’dawl ikrah u tappnu serjament l-isem tal-Korp kienu għaddew.”

Kompla jgħid li “aktar ta’ tħassib għall-Ombudsman kien il-fatt li l-uniku kriterju ta’ eliġibbiltà biex wieħed japplika għall-promozzjoni kien li applikant ried ikun fil-grad ta’ Supretendent. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet ma kienet teħtieġ l-ebda kwalifika oħra, li kienet tirrestrinġi l-għażla għal dawk l-applikanti li kienu potenzjalment kompetenti u kwalifikati għal pożizzjoni daqshekk għolja. B’riżultat ta’ dan applikanti li kienu ġew promossi għal Supretendent u li kienu ilhom f’din il-kariga għal sena jew inqas, setgħu jikkompetu ma’ oħrajn li kellhom snin twal ta’ servizz f’dak il-grad. L-esperjenza u n-numru ta’ snin fis-servizz fil-grad ta’ Supretendent sfortunatament ma kienux ikkunsidrati bħala kriterji li jixirqilhom jiġu ikkunsidrati. Barra minn hekk, il-Bord tal-Għażla lanqas ma kien jeħtieġ li l-applikanti jkollhom kondotta nadifa, għalhekk applikant li kellu rekord kriminali tħalla jikkompeti fil-proċess tal-għażla. Minħabba f’hekk l-applikanti li ma kienx jistħoqqilhom promozzjoni kienu ġew preferuti flok dawk il-persuni li ilmentaw li kellhom snin twal ta’ servizz fil-grad ta’ Supretendent b’rekord eċċellenti ta’ servizz u ċertifikat ta’ kondotta nadifa.”

L-Ombudsman qal li “r-rapporti tal-persuni li ilmentaw ġew komunikati lill-Ministeru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u Infurzar tal-Liġi li min-naħa tiegħu sostna li mhux se jaċċetta r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman. Fid-dawl ta’ dan, l-Ombudsman iddeċieda li jissottometti r-rapporti lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati biex dawn jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra u b’hekk jinġiebu għall-attenzjoni tal-pubbliku in ġenerali.”

Ekonomija

Sport