Wednesday, July 24, 2024

“Proċessi quddiem il-Qrati fejn kulħadd jitlaq mill-preżunzjoni tal-innoċenza”

- il-PM Robert Abela jitkellem dwar il-kawżi li se jinstemgħu għada wara l-eżitu tal-inkjesta tal-Vitals

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hekk kif għada se jitressqu persuni fil-Qorti wara l-eżitu tal-inkjesta Vitals, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li f’dan il-proċess li se jinżamm quddiem il-Qrati kulħadd jitlaq mill-preżunzjoni tal-innoċenza. Din l-istess preżunzjoni tal-innoċenza trid tingħata lil kulħadd għax hekk tgħid il-liġi.

F’intervista li saritlu mill-Avukat Frank Psaila waqt attività politika fin-Naxxar, il-Prim Ministru sostna li se jkun hemm proċessi fil-miftuħ fejn kull persuna li trid twieġeb għal dak li hija msejħa biex twieġeb għalih, trid tiddefendi lilha nfisha.

“Kulħadd se jkollu l-equality of arms għada mhux kif jiġri f’inkjesta għax jidher li fl-inkjesta dan il-prinċipju ma ġiex użat. Kellek persuni li huma magħrufa għall-integrità tagħhom li ntalbu jwieġbu fosthom Segretarji Permanenti, eks Segretarji Permanenti u oħrajn,” qal il-Prim Ministru.

Huwa sostna wkoll li vot b’saħħtu fit-8 ta’ Ġunju mhuwiex qiegħed jintalab biex jinfluwenza proċess ġudizzjarju. “Vot b’saħħtu huwa meħtieġ biex jekk inkjesta maġisterjali ntużat biex tinfluwenza timeline elettorali u vot tat-8 ta’ Ġunju, il-poplu jrid jibgħat messaġġ b’saħħtu li l-vera ġustizzja m’għandha qatt tintuża biex tikkundizzjona eżitu politiku,” tenna l-Prim Ministru.

Filwaqt li reġa’ appella għall-kalma, Dr Abela qal li għada kulħadd għandu l-isbaħ opportunità li l-fehma tiegħu jippożizzjonaha ġo awla quddiem Maġistrat. Għalhekk kruċjali li ħadd ma jaqa’ għall-provokazzjoni, bil-Prim Ministru jiddikjara li jemmen li l-poplu fehem dak il-messaġġ u se jimxi miegħu.

Ekonomija

Sport