Monday, November 4, 2024

Prof. Albert Borg jingħata l-midalja ta’ ‘Ġieħ l-Akkademja tal-Malti’

Aqra wkoll

Il-President ta’ Malta George Vella ppresjeda ċ-ċerimonja tal-investitura tal-Midalja tad-Deheb ‘Ġieħ l-Akkademja tal-Malti’, li din is-sena ngħatat lill-Professur Albert Borg għall-ħidma sfiqa tiegħu għall-iżvilupp tal-ilsien Malti.

“Il-Professur Borg jixraqlu tassew li jidħol f’din ix-xirka ta’ Akkademiċi tal-Malti Onorati, aktar u aktar meta wieħed iżomm f’moħħu li mal-mixja tas-snin huwa ħadem u stinka mingħajr wisq daqq tat-trombi, fis-skiet tal-istudju tiegħu, mal-istudenti u l-kollegi tiegħu, jirriċerka, jeduka, u jxerred it-tagħrif u t-tagħlim,” stqarr il-President Vella.

Sa mill-ewwel riċerka tiegħu, qal il-President, il-Professur Borg ippropona reviżjoni xjentifika tal-ortografija Maltija. Aktar tard kiseb dottorat b’teżi li eżaminat ir-relazzjoni tal-kategoriji tat-temp u tal-aspett kif tinsab imfissra fil-morfoloġija inflettiva tal-verb Malti. Flimkien ma’ kollegi oħra, il-Professur Borg waqqaf u mexxa l-Istitut tal-Lingwistika fl-Università ta’ Malta minn Novembru tal-1994 sa Settembru tal-2008. Huwa kien wieħed mill-ewwel membri ta’ AIDA (l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tad-Djaletti tal-Għarbi), għen fit-twaqqif tal-Għaqda Internazzjonali tal-Lingwistika Maltija, u serva wkoll bħala President tal-Akkademja tal-Malti minn Awwissu tal-2018 sa Lulju tal-2019.

Il-President Vella stqarr li sar jaf aktar mill-qrib lill-Professur Borg f’dan il-perjodu – waqt il-ħidma biex titnieda l-kampanja tal-Presidenza għall-Ilsien Malti.

“L-ilsien Malti kien fost l-impenji li ħassejtni fid-dmir li nagħti prijorità,” tenna l-President waqt li rrefera għall-kampanja ‘L-Ilsien Malti għal Qalbi’. Il-President qal li dan huwa l-impenn li qed tieħu l-Presidenza biex, flimkien ma’ diversi għaqdiet tal-Malti, twassal il-messaġġ li “lsienna jeħtieġ li nagħrfu nużawh tajjeb”. Żied li din il-ħidma għandha twassal biex il-Maltin u l-Għawdxin japprezzaw iżjed l-ilsien Malti, li huwa element ewlieni tal-identità tagħna, u jħossuhom komdi jużawh kemm fit-taħdit, kif ukoll fil-kitba.

Il-Midalja tad-Deheb ‘Ġieħ l-Akkademja tal-Malti’ tingħata lill-persuni li tul ħajjithom ħadmu bis-sħiħ u taw kontribut eċċezzjonali biex jiżdied l-interess kemm akkademiku kif ukoll letterarju fl-ilsien Malti. Fl-edizzjonijiet imgħoddija dan il-ġieħ intrebaħ mill-Professur Oliver Friggieri, Monsinjur Lawrenz Cachia, Trevor Zahra, Victor Fenech, Lina Brockdorff, u l-Professur Manwel Mifsud.

Sport