Dejjem hekk ġara f’dal-pajjiż: il-professjonijiet tradizzjonali donnu baqa’ jixirqilhom status doppju: ta’ ħaddiema; u ta’ ċittadini b’rikonoxximent speċjali – soċjalment, fil-mod kif imexxu l-ħidma tagħhom bħala xogħol u bħala “professjonisti”; fil-mod kif il-kontribut tagħhom jiġi mitqies.
Għall-bidu, il-professjonijiet donnhom kienu maqtugħa biss għal ċerti familji, bil-privileġġi tagħhom. Meta nfetħet l-imrewħa tal-ingaġġ ġo fihom, dawk li daħlu fiha stennew li l-privileġġi qodma jkunu tagħhom ukoll. F’xogħol, dejjem ippretendew li għandhom jitħallsu aħjar minn ħaddieħor. Dan barra milli jitħallew igawdu minn opportunitajiet usa’ biex isibu x-xogħol, bħal meta jaħdmu mal-gvern.
Mhux ta’ b’xejn li ħaddiema oħra fl-oqsma tas-servizzi, imma mhux biss, stinkaw biex jingħataw l-istess rikonoxximent. Għalliema, akkademiċi, inġiniera, infermiera, accountants, ħaddiema “tekniċi”, ġurnalisti…
Xorta waħda l-mistoqsija baqgħet miftuħa: X’jagħmel il-professjonisti differenti mill-bqija tal-ħaddiema? Il-fatt li numru minnhom jistgħu jkunu “self-employed”?
***
DEMOKRAZIJA
Id-dibattitu dwar jekk id-demokrazija tagħtix l-aħjar riżultati biex il-governanza ta’ soċjetà titmexxa bl-aħjar mod possibbli, jibqa’ miftuħ. Uħud se jgħidu li b’dak li qed jiġri fl-Istati Uniti bil-presidenza ta’ Trump, reġa’ ġie ppruvat kif f’demokrazija, l-aktar proposti mħawda fis-soċjetà se jirbħu vuċi u poter.
Diffiċli tiċħad jew taqbel minnufih ma stqarrijiet bħal dawn. Li d-demokrazija sabet dejjem min jappoġġjaha fost l-aqwa “imħuħ” kollha tad-dinja, hi ħrafa. Ħassieba bħal Platun rawha bħala perikoluża u fasslu proposti dwar kif il-governanza ta’ soċjetà tista’ sseħħ mingħajr demokrazija.
M’għandniex insegwu l-pariri tagħhom. Meta tqis l-imgħoddi, ssib li veru, ta’ spiss tmexxija demokratika wasslet għal fjaski u diżastri kbar. Imma meta tara x’ġara f’sistemi dittatorjali jew awtoritarji, ssib li bħala medja kisbu riżultati ħafna agħar.
***
ADATTAT?
Xejn ma naraha siewja kif qed jiġu preżentati ċerti xogħlijiet artistiċi Maltin ta’ qabel dan is-seklu, speċjalment kitbiet teatrali. Fuq quddiem nett ta’ Francis Ebejer.
Hi ħaġa ovvja li meta jgħaddu s-snin fuq xogħol artistiku, il-bidliet li jkunu seħħew fis-soċjetà se jagħmluh jidher li qdiem. Din mhix xi ħaġa ġdida. Jista’ jingħad l-istess għad-drammi Griegi, jew taż-żminijiet Eliżabettjani fl-Ingilterra u tas-Seklu tad-Deheb fi Spanja. Qatt ma nħass li mhux possibbli li dawn ix-xogħlijiet jittellgħu kif inkitbu, kemm fl-ispirtu, kemm fil-kelma.
Imma ta’ spiss hawn fostna le. Xogħol mis-snin 50 u 60 tas-seklu l-ieħor dejjem irid jintwera bħala “addattament”. Għaliex? Editjah lil Ebejer jekk trid biex tnaqqaslu t-tul tal-kitba, imma dak li ried jgħid, ħallih jinstema, mhux tibdlu u taddattah ħalli jidħlu spunti marġinali għal li ried jgħid (biex ma nsemmux bidliet li ftit jirriflettu il-lanja tat-test oriġinali.).