Sunday, December 22, 2024

Profitti żejda li saru għandhom ikunu intaxxati

Aqra wkoll

Għaddew sena u seba’ xhur mindu bdejna naraw żidiet qawwija fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali. Għalkemm l-inflazzjoni f’pajjiżna ma għolietx daqs ta’ ċertu pajjiżi oħra u dan għax il-kontijiet tal-enerġija baqgħu sussidjati, xorta waħda f’pajjiżna rajna żidiet xi drabi qawwija ħafna u kontinwi fejn jidħlu il-prezzijiet ta’ prodotti tal-ikel.

Ma’ dan, wieħed irid jimmarka kif waqt li f’pajjiżi Ewropej qegħdin naraw l-inflazzjoni tinzel sew ‘l isfel, f’pajjiżna nieżla aktar bil-mod. Waqt li f’pajjiżi barranin qegħdin naraw prezzijiet ta’ prodotti essenzjali imorru lura jew jinżlu ‘l isfel, f’pajjiżna din ir-realtà m’aħniex narawha. Lil hinn minn dan jekk wieħed ikollu janalizza l-kontijiet preżentati minn kumpaniji kbar li jimpurtaw prodotti essenzjali jew ibiegħu prodotti essenzjali, isib li fi żmien fejn l-inflazzjoni kienet tiela’ sew ‘l fuq dawn kienu qegħdin jagħmlu profitti qawwijin. Profitti li jaqbżu, dawk tas-snin ta’ qabel.

Il-mistoqsija li toħroġ hi ċara ħafna. Meta se nibdew naraw il-prezzijiet sejrin lura għal dak li kienu qabel l-inflazzjoni splodiet jew għall-inqas qrib ta’ dak li kienu dakinhar?

Se nibqgħu b’sitwazzjoni fejn il-familji Maltin jerfgħu dan il-piż, piż li jidher li mhux marbut kollu kemm hu ma’ ċirkostanzji dinjin li inqalgħu, imma parti minnu qed isseħħ għax kellna min ħa vantaġġ mill-pożizzjoni dominanti tiegħu fis-suq.

Din hi sitwazzjoni li qed twassal għal tensjoni bejn familji u s-sidien ta’ ħwienet iż-żgħar. Il-familji jippontaw swaba lejn is-sidien, meta is-sidien qed jiffaċċjaw huma ukoll iż-żididet minn dawk li jġibu l-prodotti f’pajjiżna. Din hi sitwazzjoni li m’għandhiex titħalla.

L-istess kif m’għandhomx jitħallew għaddejjin qisu xejn mhu xejn, il-profitti akbar mis-snin ta’ qabel, fi żmien li l-inflazzjoni kienet qiegħda tgħolli rasha. Rajna argumenti barra pajjiżna u anke deċizjonijiet fejn saru taxxi li intaxxaw il-profitti żejda li saru. Din issejħet ‘windfall tax’. Jekk nieħdu d-dibattitu fi Franza naraw li x-xellugin riedu li tidħol taxxa fuq profitti eċċessivi. Dawk tal-lemin kienu kontra u wrew xettiċiżmu kbir.

M’hemm ebda dubju li min hu xellugi se jaqbel li għandha tiddaħħal taxxa fuq il-profitti li saru żejda. Dawn huma profitti li m’għamlu xejn għajr għakksu lill-konsumaturi. Nittamaw li pajjiżna jieħu ukoll dan il-pass u jintaxxa l-profitti żejda li saru fl-aħħar sentejn biex minn dak miġbur, isiru proġetti jew jingħataw għajnuniet li jkunu ta’ fejda.

Nemmnu fermament imma li pajjiżna għandu jieħu miżuri oħrajn biex jipproteġi lill-familji Maltin u anke lin-negozji iż-żgħar u medji mill-inflazzjoni. Pajjiżna irid jieħu miżuri biex jiżgura li r-regolamenti tas-suq intern jaħdmu f’pajjiżna.

Kif inhuma l-affarijiet sa issa jidher li l-konsumaturi Maltin mhux jieħdu l-benefiċċji tas-suq wieħed. Mhux igawdu minn kompetizzjoni fil-prezzijiet. Fejn hu l-kummerċ parallel f’pajjiżna? Għaliex hemm differenza, xi drabi mhux żgħira, bejn prodotti tal-ikel f’Malta u dawk bħalhom f’pajjiżi barranin?

Nemmnu li għandha ssir investigazzjoni biex ikun stabbilit eżattament x’qiegħed jiġri fis-suq tagħna. Inutli nisimgħu min jgħidilna minn naħa tan-negozji li ttieħdu miżuri biex il-prezzijiet jinżammu stabbli. Dan il-konsumaturi mhux iħossuh. Anzi qegħdin jaraw dejjem aktar li x-xirja qiegħda ssir piż. Piż mhux żgħir.

Soluzzjoni hemm. Fost dawn hemm li importaturi żgħar jiġu mgħejjunin jimpurtaw huma. Din hi proposta li għamlet il-General Workers Union (GWU). Proposta li magħha jaqblu is-sidien tal-ħwienet żgħar u medji. Il-proposti tal-GWU kien tnejn u l-għan tagħhom kien li jgħinu lil importaturi żgħar biex ikollhom aktar likwidità u jordnaw aktar. Kien hemm proposta li dawn jingħataw ‘soft loans’ u dan biex jimpurtaw bil-‘bulk’ u għal aktar tul ta’ jiem. Dan għandu jwassal biex b’hekk jiġu stabbilizzati il-prezzijiet.

Il-proposta tal-GWU tgħid li la darba jkun hemm ftehim u dawn jiġu mgħejjuna il-prezz ma jiċċaqlaqx. Mhux hekk biss imma l-prezzijiet jiġu ppubblikati fuq websajt biex b’hekk il-pubbliku inġenerali jkun jaf kemm hu l-prezz u jkun jista’ jagħmel l-aħjar għażliet għalih.

Il-fatt li l-prezzijiet jiġu ppubblikati f’websajt, għandha tgħin fit-trasparenza tal-prezzijiet. Trasparenza fil-prezzijiet twassal biex iġġib aktar kompetizzjoni.

Quddiem is-sitwazzjoni preżenti fejn tidħol l-inflazzjoni, qegħdin naraw suq wieħed f’Malta staġnat. Suq wieħed li suppost joħloq aktar kompetizzjoni. Suppost iwassal għal prezzijiet irħas. Suppost iwassal għal libertà fost importaturi u distributuri biex ipoġġu l-istess prodotti fis-suq u jikkompetu fil-prezzijiet. Ir-realtà f’dan pajjiżna hi li għandna ftit distributuri u importaturi li għandhom mijiet ta’ prodotti ta’ essenzjali. Dan qiegħed iwassal għal sitwazzjoni ta’ monopolji. Din qed twassal għal sitwazzjoni ta’ ebda kontroll fil-prezzijiet. Hi ħasra li hemm min għażel li jibqa’ sieket quddiem din is-sitwazzjoni.

Ekonomija

Sport